Il-knisja ta' Medjugorje li kull sena jżuruha miljuni ta' pellegrini minn madwar id-dinja

Meħud kont tan-numru kbir ta’ nies li jmorru Medjugorje u l-grazzji abbundanti, il-Papa Franġisku awtorizza l-pellegrinaġġi lejn Medjugorje iżda dan ma għandux ikun interpretat bħala approvazzjoni tal-affarijiet li jiġru hemm li għadhom qed ikunu eżaminati min-naħa tal-Knisja.

Monsinjur Henryk Hoser, Vigarju Apostoliku speċjali għall-parroċċa ta’ Medjugorje u Nunzju Apostoliku f’Sarajevo qal li din l-aħbar ħarġet nhar il-Ħadd li għadda min Alessandro Gisotti, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan.

Kura Pastorali

Minn issa ‘l quddiem il-pellegrinaġġi se jkunu organizzati uffiċjalment mid-djoċesijiet u l-parroċċi u mhux se jkun hemm pellegrinaġġi privati kif sar s’issa. Gisotti kkjarifika li “dawn il-pellegrinaġġi m’għandhomx joħolqu konfużjoni jew ambigwita’ mill-aspett dottrinali.  Dan jgħodd ukoll għall-qassisin u patrijiet ta’ kull ordni li qed jippjanaw li jmorru Medjugorje”.

Qabel approva dawn il-pelegrinaġġi l-Papa kkunisdra l-affluwenza konsiderevoli tan-nies f’Medjugorje u l-grazzji li qed jinqalgħu. Din id-deċiżjoni hi parti mill-kura pastorali partikolari li l-Qdusija Tiegħu irid jagħti lil din ir-realtà li hi destinta li tħalli ħafna ġid.

Viżitatur Apostoliku Speċjali

Skont Vatican News, il-Papa Franġisku ħa din id-deċiżjoni wara li sena ilu ħatar lil Mons Hoser, Arċisqof Emeritus ta’ Varsavja bħala Viżitatur Apostoliku Speċjali għall-parroċċa ta’ Medjugorje għal perjodu indefinit għad-dispożizzjoni tas-Santa Sede.

Kemm il-ħatra tal-Viżitatur Apostoliku kif ukoll l-aħbar tal-awtoriżazzjoni tal-pellegrinaġġi ma jidħlux fil-kunsiderazzjonijiet dottrinali dwar l-awtentiċità tal-istorja tas-sitt viżjonarji dwar dak li seħħ f’Medjugorje minn Ġunju 1981 ‘l hawn għax l-istudju dwar dan il-fenomenu għadu mhux konkluż.

Gisotti żied jgħid li “flimkien mal-Isqfijiet tal-post il-Viżitatur Apostoliku ikun jista’ jistabilixxi b’aktar faċilità relazzjoni mal-qassisin li jorganizzaw il-pellegrinaġġi għal Medjugorje biex ikun hemm nies preparati li jagħtuhom indikazzjonijiet u informazzjoni biex ikunu jistgħu jmexxu dawn il-pellegrinaġġi li jħallu frott.”

Fenomenu Spiritwali     

Id-dehriet tal-Madonna fil-villaġġ żgħir ta’ Medjugorje fil-Bosnia Herzegovina bdew fl-1981 meta sitt żgħażagħ fl-età bejn l-10 u s-16-il sena raw lill-Madonna fuq għolja.

Minn dakinhar, Medjugorje sar fenomenu spiritwali li ġibed lejh miljuni ta’ pellegrini minn pajjiżi madwar id-dinja li rritornaw lejn pajjiżhom spiritwali li toħroġ mill-messaġġi tal-Madonna.  Il-Knisja qed issegwi b’moħħ miftuħ iżda bi prudenza kbir l-iżvilupp ta’ dan il-fenomenu.