L-idea ta’ kwizz nazzjonali dwar litteriżmu finanzjarju kienet tad-Dipartiment tal-Kontabiltà u l-Istudji Kummerċjali fi ħdan id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar (DLAP) fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi (MEDE). Din l-idea hi appoġġjata mill-Fondazzjoni HSBC Malta bħala parti mill-programm Future Skills tagħha. L-ewwel kwizz  attira xejn inqas minn 42 tim ta’ ħames studenti kull wieħed mill-iskejjel tal-istat, tal-knisja u dawk indipendenti.

L-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof f’Għawdex rebħet din l-edizzjoni, filwaqt li l-Kulleġġ Santa Maria Reġina taż-Zokrija fil-Mosta u l-Iskola ta’ Santa Monika ta’ Birkirkara kisbu t-tieni u t-tielet post rispettivament, f’kompetizzjoni akkanita mhux ftit.

Fost il-grupp tal-OECD, Malta tinsab fl-iktar livell baxx meta niġu għall-adulti li jieħdu deċiżjonijiet dwar flus fi djarhom huma stess jew flimkien ma’ xi ħadd li jgħix magħhom.

Il-kwizz għall-iskejjel kien iddisinjat biex jiddistingwi bejn ħtiġijiet u xewqat, ibbaġitjar, dħul, infiq u ffrankar ta’ flus, investimenti, assigurazzjoni, servizzi bankarji, u anke donazzjonijiet. Kien hemm mistoqsijiet oħra dwar ir-responsabbiltà, u dwar l-għarfien tal-istudenti meta jixtru onlajn, spejjeż fissi u varjabbli, u dejn. Il-kwizz kien wieħed onlajn fejn l-istudenti użaw it-tablets u l-mowbajls tagħhom biex iwieġbu l-mistoqsijiet. Id-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u l-Ħiliet Transversali pprovda t-tablets u spjega lill-istudenti kif jużaw l-app tal-kwizz.

Joanne Zammit, Uffiċjal Edukattiv għall-Kontabiltà u l-Istudji Kummerċjali fid-DLAP qalet: “Meta wieħed jikkunsidra li dan il-kwizz sar għall-ewwel darba f’Malta u Għawdex, l-entużjażmu muri mill-iskejjel kien wieħed notevoli. Dan iħeġġiġna biex inkomplu noħolqu aktar avvenimenti relatati mal-litteriżmu finanzjarju fil-futur. Il-parteċipazzjoni għolja uriet ukoll li l-litteriżmu finanzjarju jeħtieġ li jkun diskuss b’mod aktar prominenti fil-pubbliku.”

Uffiċjali mill-istrateġija governattiva għall-kapaċità finanzjarja (2017-2019), Ġemma, u mill-HSBC taw ukoll il-preżentazzjonijiet tagħhom. Is-Segretarju Permanenti fil-MEDE Dr Frank Fabri ppreżenta il-premjijiet u ċ-ċertifikati.

Kontenut provdut min BPC International Limited