Il-Kap tal-Oppożizzjoni u mexxej tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jekk Joseph Muscat mhux jirnexxielu jfaddal ewro mil-paga tiegħu li tiġi fl-ewwel skala tal-pagi tal-Gvern aħseb u ara kemm se jirnexxielhom ifaddlu l-ħaddiema l-oħra tal-Gvern li għandhom inqas.

Adrian Delia kien qed jitkellem waqt attività politika bit-tema Flimkien għal Pajjiżna f’Birkirkara. Huwa qal li Muscat qed jinkoraġixxi l-ħaddiema biex jagħmlu xogħol part time biex ileħħqu mal-ħajja. Semma kif il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex iġib setturi tax-xogħol li jimpjegaw eluf ta’ nies fosthom l-avjazzjoni, il-farmaċewtika u gaming iżda l-Partit Laburista fil-Gvern qed jikkalpesta l-ġurisdizzjoni eċċelenti li kellha Malta qed jissogra li tiġi tax and black haven.

Delia semma kif il-Partit Laburista mar Madrid u aċċetta li jekk is-soċjalisti jkollhom il-maġġoranza fil-Parlament Ewropew, it-taxxa tkun l-istess fil-pajjiżi kollha. Delia qal li minħabba ċ-ċokon ta’ Malta, dan se jaffettwaha ħażin.

“Flimkien nistgħu niġġieldu l-marda tal-kanċer”

Delia ħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad flimkien u jiġġieled kontra l-marda tal-kanċer. Semma kif din il-kwistjoni m’għandix tkun materja politika iżda nazzjonali u ewropea. Delia ħeġġeġ biex Malta tagħti eżempju fl-Unjoni Ewropea li kulħadd jingħaqad flimkien biex tinstab kura għall-kanċer. Delia semma li minflok jintefqu flus fil-kampanji u billboards, il-Gvern għandu jonfoq il-flus fit-tobba u l-istudenti biex titkompla r-riċerka dwar il-kura tal-kanċer.

“Se nibqgħu niddefendu l-vuċi tat-tarbija”

Il-Mexxej tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit se jibqa’ jiġġieled għat-tarbija li m’għandix vuċi u ma tistax tiġġieled għad-drittijiet tagħha. Huwa qal li madwar 80% tal-Orizzont tal-lum titkellem fuq l-abort. Semma li l-Partit Nazzjonalista għandu l-libertà li jitkellem fuq is-suġġetti bħalma huma l-abort u l-kanċer.

“90% tal-ħatriet saru b’nepotiżmu”

Delia semma li fl-istorja l-Partit Nazzjonalista ġġieled għal-libertà u l-ġustizzja u issa l-istorja qed terġa’ tirrepeti ruħha. Huwa qal li 90% tal-ħatriet mill-Gvern Laburista saru b’nepotiżmu. Delia semma’ li l-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir. Kompla li l-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti li ma jippubblikax ir-rapport tal-inkjesta Egrant meta l-Qorti ddikjarat li l-kontenut tar-rapport huwa ta’ interess u importanza nazzjonali.