Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li jrid li l-Maltin u l-Għawdxin isiru sinjuri żgħar. Dan qalu hu u jindirizza attività politika fil-Pjazza A. De Paule f’Raħal Ġdid.

Muscat fetaħ diskorsu billi qal lill-udjenza li Raħal Ġdid jinsab f’qalb il-Partit Laburista. Huwa tkellem fuq it-trobbija umli tal-ġenituri tiegħu, li ħadmu u stinkaw biex uliedhom setgħu javvanzaw fil-ħajja. Qal li llum il-ġurnata, il-ġenituri ntrefgħu għall-klassi tan-nofs, u b’hekk mhumiex kuntenti li wliedhom jaslu fejn waslu huma, imma jridu li wliedhom jaslu aktar ‘il quddiem minnhom.

“Noħlom li l-paga minima tkun tista’ tgħajjex familja”

Il-Mexxej tal-PL qal li f’25 sena fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista ħalla l-paga minima taqa’ lura tant li saħħitha kienet spiċċat.Huwa qal li l-Gvern rabat lil kwalunkwe partit li jiggverna biex jirrevedi l-paga minima. Semma wkoll il-liġi li ħadd ma jista’ jdum fuq il-paga minima għal aktar minn sena waħda.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern mhux se jistrieħ qabel jelimina l-faqar kollu f’Malta, wara li rnexxielu jelimina żewġ terzi minnu. Qal li l-għan aħħari tal-Gvern Laburista hu li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jsiru sinjuri żgħar. Żied jgħid li l-ħolma tiegħu hi li l-paga minima tkun waħda li wieħed jista’ jgħajjex familja biha, u aktar minn hekk, joħlom li din il-paga tkun biss fuq il-karta, sabiex kulħadd ikollu qligħ akbar minn hekk.

“Il-pensjonijiet se nżiduhom kull sena li niggvernaw” 

Dwar il-pensjonijiet, Joseph Muscat qal li f’25 sena, il-Gvern Nazzjonalista ma żiedhomx b’ċenteżmu wieħed. Iżda, skontu, il-Gvern Laburista affaċċja din it-telgħa iebsa biex iżid il-pensjonijiet u jibdel is-sitwazzjoni fejn l-ulied iridu jgħinu finanzjarjament lill-ġenituri tagħhom. Muscat temm jgħid li l-Gvern se jżid il-pensjoni kull sena li jibqa’ fil-Gvern. Huwa qal lill-pensjonanti, “Dak li tajniekom mhu xejn fejn dak li għadna rridu ntukom.”

“Vot għal kull kandidat hu vot għal Joseph Muscat”

Il-Mexxej tal-PL qal li kull vot għal kull kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ikun vot ta’ Joseph Muscat. Qal li hu konvint li l-PL se jkollu tim tajjeb fil-Kunsill Lokali.