Grupp ta’ studenti flimkien ma’ erba’ għalliema minn Sir Mikelangelo Refalo, Sixth Form Għawdex ħadu sehem fi proġett Erasmus bl-isem ‘Be your own Boss’. L-għalliema spjegaw kif l-istudenti marru fil-belt ta’ Tondheim fin-Norveġja, fejn flimkien mal-istudenti tal-iskola Thora Storm ħadu sehem f’diversi attivitajiet differenti. L-għan tal-attivitajiet kien biex l-istudenti jsaħħu u jiżviluppaw abilitajiet intraprenditorjali f’ambjent ta’ kooperazzjoni u komunikazzjoni.

L-istudenti ħadu sehem f’ ‘Camp Creative’ bit-tema kienet “Community and the City”. Dan il-kamp beda b’introduzzjoni minn Askel Tjora li huwa soċjologu u professur fl-Università tax-Xjenza u t-Teknoloġija fin-Norveġja. Huwa tkellem dwar kif wieħed jista’ joħloq spazji soċjali u spazji fejn wieħed jista’ jikkomunika ma’ oħrajn.

L-istudenti ġew maqsumin fi gruppi, ingħataw il-materjal kollu necessarju u flimkien riedu joħolqu mudell futuristiku tal-port ta’ din l-belt b’soluzzjoni ta’ kif in-nies jistgħu jgħixu aħjar fis-sena 2040 billi joħolqu spazji soċjali u ambjenti fejn wieħed jista’ jikkomunika mal-oħrajn.

Huma kellhom ukoll l-opportunità li jżuru Equinor, kumpanija taż-żejt u l-gass kif ukoll kumpanija taċ-ċikkulata. Spjegaw kif dan il-proġett tal-Erasmus serva biex l-istudenti ta’ Sir Michelangelo Refalo mhux biss jitgħallmu minn fuq il-kotba iżda wkoll bl-esperjenza.