Monique Agius

L-avukat Jacque Rène Zammit, fid-diskors tiegħu waqt il-velja fid-19-il xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, sostna li Daphne ma kinitx perfetta iżda kienet umana. Sostna li mis-snin li kien ilu jaf lil Daphne, kien hemm bosta drabi fejn kellhom xi jgħidu, fejn kienet twebbes rasha fuq argumenti li għalih kienu għal qalbu.

Zammit tenna li minkejja li bosta jsostnu li dwar il-mejtin wieħed għandu jitkellem biss tajjeb, insista li tkun qed titkattar l-inġustizzja jekk tinħoloq biss “immaġni santa u pura ta’ din il-ġurnalista u omm li ħadmet b’passjoni”. Sostna li jazzarda jgħid li Daphne stess kienet “tiddardar” għal idea bħal din. Kompla jgħid li minflok jippreferi jiftakar lil Daphne bħala dik li mhux dejjem ġabitha żewġ fl-analiżi politika.

Insista li jippreferi jiftakar lil Daphne b’dan il-mod għax jagħmilha aktar reali u tanġibbli. Qal li fil-kitbiet tagħha, speċjalment fl-aħħar snin, kienet bdiet ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-impunità tal-poter.  Qal li b’hekk rifset kallijiet u kien hemm min ħaseb li seta’ jneħħiha min-nofs.

Zammit kompla jgħid li jrid jgħix f’soċjetà fejn dan mhux normali, fejn il-qattiela jinġiebu quddiem il-ġustizzja, fejn il-korruzzjoni hija mrażżna, fejn persuni bħal Daphne jistgħu jkomplu jiktbu mingħajr persekuzzjoni.

“Jien għaddejt mill-istess saram tal-familja ta’ Daphne”

Bint Uğur Mumcu, ġurnalist li ġie assassinat fit-Turkija fl-1993, sostniet li għaddiet mill-istess saram li għaddiet minnu l-familja ta’ Daphne. Ozge Mumcu qalet ma’ Newsbook.com.mt li bosta għadhom jgħajtu għall-ġustizzja għax l-assassinji għadhom qed jiġu solvuti. Tenniet li hemm bżonn li kulħadd isir jaf min qatel lil Daphne u min ta l-ordni biex din tinqatel.

Intant, fid-diskors tagħha għall-okkażjoni qalet li ħasset dak li qed iħossu l-qraba ta’ Daphne meta kellha 11-il sena u missierha ġie assassinat ukoll permezz ta’ karozza bomba quddiem daru. Qalet li hi, flimkien ma’ ħuha u ommha għadhom qed jissieltu għall-ġustizzja sal-lum.

“Ngħixu f’dinja fejn il-verità toqtlok” – Julian Delia

L-attivist Julian Delia sostna li llum il-ġurnata spiċċajna ngħixu f’dinja fejn jekk tgħid il-verità tispiċċa maqtul, fejn id-drittijiet qed jiġu mormija, u l-ħelsien qed jinsteraq minn ħalq il-poplu. Insista li minkejja dan, ħadd ma għandu jaqta’ qalbu. Filwaqt li indirizza l-pubbliku preżenti għall-velja ta’ Daphne li saret quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta, sostna li kull persuna li attendiet kienet hemm għax hija konxja bl-attroċitajiet li tenna huma parti mill-għemil tal-persuni fil-poter.

Delia talab sabiex kulħadd jingħaqad flimkien għal futur aħjar u għall-verità. Sostna li l-assassinju ta’ Daphne kien eżempju ovvju tal-problemi fis-soċjetajiet. Insista li jekk il-pubbliku jrid jieqaf jorganizza velji tat-tip, mela jrid jattakka l-problema mill-qalba tagħha u jitkellem il-verità anke jekk il-vuċi tiegħu hija dgħajfa.