Il-Bank of Valletta ħabbar li se jkun qed jintroduċi ċekkijiet ġodda li se jkunu mmarkati bħala ‘only’ li jfisser li jistgħu jiġu ddepożitati biss f’kont f’isem il-persuna li lilha jkun indirizzat iċ-ċekk jew jissarrfu biss lill-benefiċċjarju msemmi.

Fi stqarrija ġie spjegat li ċ-ċekkijiet mhux se jkunu aktar trasferibbli lil partijiet terzi u b’hekk il-bank se jwaqqaf il-ħruġ taċ-ċekkijiet ‘or order’. Intqal li dan huwa konformi mal-prattika internazzjonali, biex jissalvagwardja aktar lill-klijenti tal-Bank minn użu qarrieq f’każ li jintilfu jew jinsterqu ċ-ċekkijiet. Il-BOV qal li b’dan il-mod, il-bank se jkun qed isaħħaħ il-ġlieda tiegħu kontra l-ħasil tal-flus.

Il-BOV qal ukoll li l-klijenti jistgħu jkomplu jużaw iċ-ċekkijiet tal-BOV ‘or order’ li għandhom sakemm jordnaw u jirċievu ċ-ċekkijiet il-ġodda. Intant inkoraġġixxa lill-klijenti biex jużaw mezzi bla ħlas alternattivi bħall-BOV Mobile, il-BOV Internet Banking, il-Cards tal-BOV u l-ATMs tal-Bank.

Id-depożitu ta’ ċekkijiet immarkati bħala ‘only’ jista’ jsir ukoll f’kontijiet konġunti fi kwalunkwe fergħa tal-BOV sakemm dawn jiġu ppreżentati għad-depożitu mill-benefiċjarju personalment.