Matul ix-xhur li għaddew, il-Kappella ta’ Sant’ Antinin ta’ Padova u ta’ Santa Katarina f’Birkirkara sar fuqha xogħol ta’ restawr. Dawn ix-xogħlijiet saru mid-Direttorat tar-Restawr li jagħmel parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar din il-kappella. Huwa qal li dawn il-fondi allokati taħt l-iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, jgħinu biex jiġu restawrati monumenti u binjiet storiċi fil-lokalità tagħhom. Il-Ministru Bonnici qal li d-Direttorat qed jieħu ħsieb 71 proġett ta’ din ix-xorta.

Il-knisja nbniet fl-1828 però dokumenti storiċi jixhdu li fl-1575 kien hemm oħra eqdem li baqgħet tintuża sa mill-anqas l-1659. Minħabba l-pożizzjoni tagħha, ix-xogħlijiet ġew maqsuma fi tliet fażijiet sabiex jassugraw li ma ssirx ħsara lil dawn il-kappelli.