Il-Kardinal Krajewski li għamel ġest iddisprat biex isalva 400 persuna

Il-Kardinal Krajewski  li hu nkarigat biex jagħmel karità għan-nom tal-Papa Franġisku, magħruf bħala l-Almunier tal-Papa spjega r-raġuni li wasslitu biex jerġa’ jagħti s-servizz tal-elettriku f’binja f’Ruma li hi okkupata llegalment u qal li dan kien “ġest iddisprat u umanitarju biex jgħin familji li qed jitħabtu biex isalvaw”.

Il-Kardinal kien għadu kif irritorna minn Lesbos fejn mar iwassal is-solidarjetà tal-Papa Franġisku f’kamp tar-refuġjati fuq din il-gżira, meta kien infurmat bis-sitwazzjoni serja li kienu jinsabu fiha madwar 400 persuna, fosthom ħafna tfal f’din il-binja f’Ruma fejn kien ilhom għal ġranet sħaħ mingħajr dawl elettriku u ilma sħun.

400 persuna fil-periklu

Dawn is-servizzi kienu  sospiżi mill-kumpannija li tipprovdi l-enerġija għax l-inkwilini ma kienux qed iħallsu.  L-Almunier tal-Papa ħass l-obbligu li jagħmel “ġest umanitarju” u mar personalment u reġa’ kkomunika l-provvista tad-dawl tal-binja. Dan għamlu minkejja li kien jaf bil-konsegwenzi possibbli li seta’ jiffaċċja, iżda ħass li dan kien meħtieġ għall-ġid tal-familji li jgħixu hemm.

“Jien indħalt personalment”, qal  il-Kardinal lill-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA “biex tajthom id-dawl lura.  Kien ġest iddisprat.  Kien hemm aktar minn 400 persuna bla dawl, b’familji, tfal bla ma anqas setgħu jħaddmu r-refrigerators”.

Tobba u ikel mill-Vatikan

F’intervista mal-ġurnal Taljan “Corriere della Sera” il-Kardinal Krajewski qal li kien ilu jaf għal xi żmien bid-diffikultajiet li kienu qed jiffaċċjaw in-nies li jgħixu fil-binja. “Mill-Vatikan bagħtna ambulanza, tobba u anke ikel. Hawn qed nitkellmu dwar persuni umani”.

“L-ssurdità hi li ninsabu fil-qalba ta’ Ruma u għandek madwar 500 persuna mitluqa għal riħhom.  Dawn huma familji li m’għndhomx fejn imorru. Nies li jridu jitħabtu biex jgħixu”, sostna l-Kardinal fl-intervista.

Hu qal li l-ewwel problema mhux il-flus. L-akbar problema hi li fost in-nies li kien hemm fil-binja hemm numru ta’ tfal. Għalhekk staqsa lilu nnifsu: “Jien x’qed nagħmel hawn? Kif jista’ jkun li nħalli dawn il-familji f’din is-sitwazzjoni?”

Finalment il-Kardinal, l-almunier tal-Papa, qal lill-ġurnal. “Jien nerfa’ r-responsabbilta’ kollha. Jekk tiġi xi multa, inħallasha.”