L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jispera li ż-żgħażagħ li joħorġu miċ-ċentru terapewtiku li se jitmexxa mill-Caritas Malta joħorġu minnu b’direzzjoni li tagħmel minnhom ċittadini mġarrbin imma kburin li huma parti minn stat li meta jkun hemm bżonn solidarjetà juriha b’mod konkret.

L-Arċisqof illum żar is-sit ta’ kostruzzjoni taċ-ċentru terapewtiku
għall-adolexxenti “Tal-Ibwar” li se jkun qed jitmexxa mill-entità tal-Knisja Caritas Malta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Mons. Scicluna rringrazzja lill-istat li wera l-fiduċja lill-Caritas. Qal li l-Gvern qed jgħin ukoll b’investiment kbir ta’ riżorsi.

Skont l-Arċisqof dan il-proġett huwa sinjal konkret ta’ soċjetà li meta titkellem fuq is-solidarjetà xxammar il-kmiem u tagħmel xi ħaġa. Awgura biex kull persuna żagħżugħa li tmiss ma’ din l-esperjenza ssir persuna aħjar. Qal li jispera li dan iċ-ċentru jgħin liż-żgħażagħ joħorġu minnu fid-direzzjoni t-tajba.

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt irringrazzja lill-President Emeritu George Abela li qed jidderieġi dan il-proġett. Qal li se jkun hemm ambjent naturali għaż-żgħażagħ f’dan iċ-ċentru. Spejga li se jkun hemm faċilitajiet ta’ sport, terapija bl-annimali, u anke żona tal-agrikoltura.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjal Michael Falzon qal li dan l-investiment tal-Gvern ta’ €3.3 miljun huwa investiment fis-soċjetà Maltija. Spejga li ċ-ċentru se jkun jista’ jospita 20 persuna.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li apparti mix-xogħol fuq il-bini hemm il-ħtieġa li jsir taħriġ għall-ħaddiema biex ikunu jistgħu jaħdmu mat-tfal. Qal li saret żjara fl-Irlanda fejn kien hemm skambju ta’ tagħrif f’xogħol f’dan ir-rigward. Muscat semma li l-ippjanar tal-post fis-Siġġiewi sar għal t’apposta. Qal li dan huwa eżempju ieħor tax-xogħol li jsir bejn l-istat u l-Knisja li għalkemm jaqdu funzjonijiet differenti jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin.

Muscat temm jgħid li bħalissa qed jingħad ħafna kliem dwar il-ħajja. “Il-ħajja mhux biss twellidha trid imma tieħu ħsiebha,” qal Muscat li ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed favur il-ħajja.