Il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Mark Sultana qal li minkejja l-powerstation tal-Marsa għalqet, f’Malta qed nesperjenzaw sitta jew seba’ vapuri tat-turisti li jużaw sulphur fuel li huwa iktar maħmuġ minn dak li jużaw fil-baħar tat-Tramuntana, għalhekk dan iwassal għal arja iktar maħmuġa. Sultana kien qed jitkellem dwar it-tibdil fil-klima f’Għawdex. Din-diskussjoni hija parti mill-kampanja tal-Parlament Ewropew, din id-darba se nivvota.

Dan is-suġġett ġie magħżul wara li f’Malta żied it-tħassib dwar it-tibdil fil-klima. Fid-dawl ta’ dawn l-elezzjonijiet, iċ-ċittadini għandhom ir-rwol importanti biex jeleġġu kandidati li għalihom it-tibdil fil-klima hija prijorità.

Anna Zammit Vella l-kap temporanju tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta qalet li tliet kwarti tal-Ewropej iridu li l-Unjoni Ewropea tagħmel iktar biex tipproteġi l-ambjent.  Waqt l-intervent tiegħu Baptiste Chatain speċjalist fil-politika tal-ambjent fil-Parlament Ewropew qal li f’ħames snin inbidlu ħafna affarijiet speċjalment minħabba l-fatt li l-Membri Parlamentari Ewropej kienu iktar viċin in-nies.

Chatain qal li minkejja li diversi nies jgħidu biex wieħed ma jiġrix tajjeb li jkun hemm politika dwar dan is-suġġett li taħdem. Huwa semma l-ftehim li sar fil-Parlament Ewropew dwar it-tnaqqis tal-emmissjonjiet tal-karozzi u l-liġi dwar l-użu singlu tal-plastik.

Simone Borg l-ambaxxatur għal Malta dwar it-tibdil fil-klima qalet li hemm tliet punti prinċipali li jridu jiġu osservati sabiex sal-2050 ma jkunx hawn emmissjonijiet. Dawn it-tliet punti prinċipali huwa li jonqsu l-emmissjonjiet, jadattaw għat-tibdil fil-klima u l-gvernijiet jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar it-tibdil fil-klima.

Borg qalet li l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima għandha tkun sforz kollettiv u  għandu jiġi minn kulħadd. Żiedet li iktar ma jkun hemm kuxjenza fid-deċiżjonijiet dwar kif wieħed jikkontribwixxi għal azzjoni dwar it-tibdil fil-klima iktar ikun jista’ jasal għall-miri tal-2050.