It-taxis bl-ajru, fantaxjenza sal-lum, iżda jistgħu jkunu realtà sa ftit aktar minn ħames snin oħra, f’rivoluzzjoni fil-mod kif nivvjaġġaw fl-ibliet.

Dan hekk kif grupp Germaniż bl-isem ta’ Lilium żviluppa jet li jaħdem bl-elettriku li jipprovdi servizzi ta’ taxi. Il-kumpanija diġà attirat mal-100 miljun f’investiment privat, fosthom minn Atomico, grupp iffinanzjat minn Niklas Zennstrom, kofundatur tal-videochat app Skype.

Dan mistenni jkun suq b’potenzjal enormi, hekk kif skont Morgan Stanley, dan jista’ jħalli mat-triljun u nofs fis-sena sal-2040.

Madankollu, l-ostakli biex dan isir realtà huma ħafna, fosthom approvazjonijiet regolatorji, l-infrastruttura meħtieġa u aċċettazzjonijiet mill-pubbliku.

Il-kumpanija qed twiegħed li bis-servizz tagħha, vjaġġ bejn żewġ ibliet distanti b’madwar 3 sigħat sewqan, jista’ jibda jsir f’bejn ħames u għaxar minuti biss, b’prezz ta’ bejn 70 u 80 ewro.

Lilium wettqet l-ewwel titjira ta’ dan it-tip, bi prova li kienet suċċess, aktar kmieni din is-sena.

Jiddgħajjef il-profitt għad-ditta Trump

New York City, United States – March 12, 2016: Looking up at the 5th avenue Trump Tower with the gold name and clock in sight

Il-proprjetajiet ta’ Donald Trump madwar l-Istati Uniti ma tantx jidher li sejrin tajjeb skont rapport mxandra fil-mezzi taxandirAmerikani. Skont il-Washington Post, il-golf resort li għandu Trump f’Miama rreġistrat tnaqqis qawwi fil-profitti sa mill-2015, jiġifieri minn ftit wara li ħa f’idejh il-President. Id-dħul tal-kumpanija naqas b’aktar minn 60% fil-mija. Fl-istess waqt, skont l-istess ġurnal, l-appartamenti fi Trump Tower fi New York nbiegħu f’telf qawwi fil-prezz.

Skont konsulent fil-qasam tal-proprjetà, dan qed ikun riżultat tal-konnotazzjoni negattiva ta’ isem Trump, għaliex huma riżultati li jmorru kontra x-xejriet ġenerali fis-suq. Hu mifhum li wħud mis-sidien tal-appartamenti fi Trump Tower biegħu l-proprjetà tagħhom b’telf li jlaħħaq l-20%, meta skont l-aġenzija Property Shark, kienu inqas minn 1% il-proprjetajiet f’Manhattan li fl-aħħar sentejn inbiegħu b’telf.

Il-mezzi tax-xandir Amerikani qed jiġbdu l-attenzjoni wkoll li dan it-telf għal Trump kien ikun aktar qawwi li kieku mhux għax kien hemm żieda ta’ 26% ta’ dħul minn gvernijiet barranin li użaw l-akkomodazzjonijiet tal-kumpanija ta’ Trump. Filfatt, bosta diplomatiċi internazzjonali li jżuru Washington qed jużaw it-Trump International Hotel f’Washington. Fl-2017 din il-lukanda rreġistrat dħul ta’ aktar minn 40 miljun dollaru.

Madankollu, il-kumpanija qalet li d-dħul li għamlet minn diplomatiċi internazzjonali se jkun qed jingħata f’donazzjoni lit-Teżor Amerikan.

Thomas Cook f’diffikultà finanzjarja

Il-kumpanija rinomata tal-ivvjaġġar Thomas Cook tinsab f’diffikultajiet serji hekk kif irreġistrat telf ta’ 1.45 biljun sterlina qabel it-taxxa, filwaqt li ppubblikat twissija dwar il-profitti tagħha. Fir-riżultati tas-sitt xhur sal-31 ta’ Marzu il-kumpanija tilfet aktar minn biljun fuq ri-evalwazzjoni ‘l isfel tal-kumpanija sussidjarja MyTravel.

l-istess kumpanija wissiet li l-profitti se jintlaqtu minħabba inċertezza fost il-konsumturi. Hija rrappurtat telf fid-dħul fl-ewwel nofs tas-sena, u għalkemm dan mhux se jirrepeti ruħu għas-sitt xhur li ġejjin, id-dħul xorta mistenni jkun inqas minn dak irreġistrat fl-2018. Il-Kap Eżekuttiv Peter Fankhauser spjega li l-kumpanija ntlaqet ħażin mill-fatt li s-sena l-oħra l-perjodu ta’ sħana fir-Renju Unit dam aktar mis-soltu, fattur li wassal biex bosta Ingliżi ma ħadux vaganzi f’postijiet tradizzjonalment sħan fil-Ħarifa, fosthom il-Gżejjer Kanarji.

Ma setax jonqos li l-kumpanija tipponta subgħajha wkoll lejn Brexit, fejn qalet li kien ċar li l-proċess ta’ Brexit wassal biex bosta konsumaturi mir-Renju Uniti pposponew milli jagħmlu pjanijiet ta’ vaganzi fis-sajf.

Il-kumpanija kkonfermaw ukoll rapport li kienet irċiviet bosta offerta għal linja tal-ajru tagħha. Skont sorsi qrib l-industrija tal-avjazzjoni, Lufthansa u Virgin huma fost dawk interessati għal dan l-akkwist.

Mal-pubblikazzjoni ta’ din l-aħbar l-ishma tal-kumpanija niżlu b’17% għal 19p. Fl-istess perjodu s-sena li għaddiet il-kumpanija kienet tilfet mat-300 miljun sterlina.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.