Herman Wouk

Miet l-awtur Herman Wouk, li ħafna żgur jiftakru l-kapolavur televiżiv The Winds of War, li kien ibbażat fuq il-ktieb tiegħu li jġib l-istess isem. Bħala minisensiela li kisbet għarfien internazzjonali kienu taw sehimhom atturi bħal Robert Mitchum, Polly Bergen, Ali MacGraw, Jan Michael Vincent u Topol kif ukoll introduċa fix-xena artistika lil Victoria Tennant. Din il-miniserje li xxandret ukoll b’suċċess fuq l-istazzjon nazzjonali Malti, kienet ukoll rebħet l-Emmy Award, l-Oscar Amerikan għat-televiżjoni.

Il-poster tas-serje mnebbħa mill-ktieb rebbieħ tal-Premju Pulitzer: The Winds of War

Wara dan is-suċċess, Wouk kien kiteb wkoll is-sequel War and Remembrance, li wkoll ġie addattat għat-televiżjoni u bħala sensiela rebħet tlett Golden Globe Awards u tlett Emmy Awards.

L-awtur ta’ 103 sena kien kiteb ukoll The Caine Mutiny, li fl-1954 kien inħadem bħala film għaċ-ċinema b’Humphrey Bogart u Natalie Wood. Wouk kien rebaħ il-premju Pulitzer għal dan il-ktieb.

Herman Wouk miet 10 ijiem qabel għeluq l-104 sena tiegħu. Hu kien qed jaħdem fuq ktieb ieħor.

L-awtur kien kiteb ukoll Don’t Stop the Carnival, li kien addattat għal musical.

Pero bħala awtur ta’ bosta kotba, Wouk jibqa’ msemmi għal xogħlijiet bħal This Is My God, Majorie Morningstar, The Hope u The Glory.

Kapolavur ieħor ta’ Herman Wouk: War and Remembrance, sequel ta’ The Winds of War.

Fl-aħħar snin, meta kien ferm fuq id-disgħinijiet tiegħu, Herman Wouk ippubblika The Lawgiver u tlett snin ilu, wara li għalaq mitt sena, ippubblika Sailor and Fiddler.

Herman Wouk kien twieled fi New York fl-1915 u l-ewwel xogħol pubblikat tiegħu kien fl-1947, Aurora Dawn.

Fl-1945 hu kien iżżewweġ ll Betty Sarah Brown, li kienet ukoll l-aġent tiegħu. Kellhom tlett ulied, Nathaniel, Joseph u l-kbir Abraham, li kien miet wara li għereq fl-1951. Jingħad li din il-mewta traġika kienet effettwat lil Wouk sal-aħħar snin ta’ ħajtu.