Aaron Ramsey qed ikun rappurtat li qiegħed Turin u mistenni li se jingħaqqad ma’ Juventus fiċ-ċelebrazzjonijiet nhar il-Ħadd. Il-logħba finali tal-istaġun se tibda’ fis-6:30pm ġewwa l-grawnd ta’ Juventus stess.

Ramsey diġà ffirma kuntratt ma’ Juventus, hekk kif il-kuntratt tiegħu se jkun qed jiskadi fl-aħħar ta’ Ġunju. Il-plejer internazzjonali ta’ Wales deher fit-toroq ta’ Turin, hekk kif partitarju għarfu u ħa ritratt miegħu, biex imbagħad tellgħu fuq il-midja soċjali. Skont gazzetta tal-isport Taljana, Ramsey se jkun preżenti biex isellem lill-partitarji l-ġodda u jingħaqad mal-bqija tat-tim fiċ-ċelebrazzjonijiet.