Il-kantanta Għawdxija Michela Pace li rrappreżentat lil Malta waqt il-Eurovision Song Contest f’Tel Aviv bil-kanzunetta Chameleon sostniet li tħossha kburija li kellha l-opportunità sabiex tagħmel unur lil Malta.

Filwaqt li rringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi tas-sapport li dejjem taha, minn żmien X-Factor sal-lum, ma’ Newsbook.com.mt, Michela sostniet li tgħallmet ħafna minn din l-esperjenza.

Michela tasal lura Malta minn Tel Aviv

Michela waslet lura Malta dalgħodu fl-9.40am. Dan hekk kif ilbieraħ, tard filgħaxija ġiet fi tmiemha l-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest. In-Netherlands kien il-pajjiż rebbieħ għal din is-sena permezz ta’ Duncan Lawrence bil-kanzunetta Arcade. Malta klassifikat fis-16-il post.

X’jaħsbu dwarha dawk li marru jilqgħuha l-ajruport?

Dawk li marru jilqgħu lil Michela fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sostnew li li tkanta l-ewwel mhux faċli u kienet l-ewwel darba fl-istorja li Malta kantat l-ewwel. Qalu li minkejja nuqqas ta’ sentejn, xorta waħda rnexxielna naslu għall-finali.