Ritratt: RAI

Bosta huma x-xnigħat bħalissa li l-preżentatur popolari Carlo Conti jista’ jitlaq mill-istazzjon nazzjonali Taljan RAI, fejn dan l-aħħar temm jippreżenta b’suċċess il-varjeta’ La Corrida. Conti beda mar-Rai fl-1985 u tul is-snin mexxa għadd kbir ta’ programmi ta’ suċċess bħal Discoring, Aria Fresca, L’eredità, I migliori anni, Tale e Quale Show, Domenica In u ħames edizzjonijiet ta’ Miss Italia.

Bejn l2-15 u 2017, għal teltt edizzjonijiet konsekuttivi, Carlo Conti kien ukoll id-direttur artistiku tal-festival ta’ Sanremo.

Skont dak li qed jintqal, il-kuntratt ta’ Conti mar-RAI jiskadi fit-30 ta’ Ġunju u s’issa fallew it-trattativi kollha biex jintlaħaq ftehim ġdid biex b’hekk Conti ikun jista jkompli jippreżenta aktar programmi mill-iskeda tal-ħarifa.

Ħafna huma dawk li qed jistaqsu x’se jsir minn Conti wara Ġunju u skont il-ġurnal Taljan La Repubblica, lil Conti rawh kemm il-darba dieħel u ħiereġ fil-bini tal-Mediaset u għalhekk qed jissaħħu l-għidut li Conti tassew se jitlaq mir-RAI, biex mill-ħarifa jingħaqad ma’ lista b’saħħitha ta’ preżentaturi bħal Barbara D’Urso, Alessia Marcuzzi u Maria De Filippi biex jibda jippreżenta l-programmi tiegħu fuq xi stazzjon minn tal-Mediaset, b’kompetizzjoni diretta mal-istazzjonijiet tar-RAI.

Jekk jitlaqx jew le mhux se nkunu nafu għalissa fiċ-ċert minħabba li qabel jiskadilu l-kuntratt, Conti mistenni jippreżenta l-programm Ieri e Oggi li mistenni jibda fuq Rai Tre mis-16 ta’ Ġunju.