Nhar il-Ħamis li ġej għandek biss siegħa ċans biex iżżur pazjenti f’numru ta’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali avżat li dan qed isir minħabba li l-Ħamis, 23 ta’ Mejju se jkun il-jum tal-votazzjoni għal dawn il-pazjenti. L-isptarijiet huma: l-Isptar Mater Dei, Karin Grech, Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dawn se jkunu qed jilqgħu viżitaturi biss bejn is-7pm u t-8pm.

Ġie spjegat li minkejja dan, f’każi ta’ emerġenza jistgħu jsiru eċċezzjonijiet jekk ikun hemm raġuni serji ta’ saħħa. F’dawn il-każijiet, wieħed irid jinġieb permess mill-Kummissjoni Elettorali fuq parir tal-awtorità tal-isptar partikolari li jżommu d-diskrezzjoni ta’ kemm qraba jistgħu jidħlu f’waqt wieħed.

Għadek ma ġbartx il-vot tiegħek?

Intant, il-Kummissjoni Elettorali għarrfet ukoll lil dawk li għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom li għadhom fiċ-ċans li jagħmlu dan. Fi stqarrija ġie spjegat li l-pubbliku jista’ jiġbor id-dokumenti tal-vot personalment mill-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, jew inkella mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.

Il-ġranet u l-ħinijiet li fihom wieħed jista’ jiġbor id-dokument għall-votazzjoni huma dawn:

  • It-Tlieta 21 u l-Erbgħa 22 ta’ Mejju, 2019: mit-8.00 am sal-10.00 pm
  • Il-Ħamis, it-23 ta’ Mejju, 2019 (l-aħħar jum): mit-8.00 am sa nofsillejl

Biex wieħed jiġbor il-vot irid jippreżenta l-karta tal-identità jew tar-residenza personalment, hekk kif l-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat għal dan l-iskop. Min ma jippreżentax dan id-dokument ma jitħalliex jivvota.