Duncan Laurence: Ir-rebbieħ tal-64 edizzjoni tal-Eurovision. Ritratt: Thomas Hanses

Is-Sibt li għadda rajna lil Duncan Laurence jerfa’ t-trofew bħala r-rebbieħ tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li sar ġewwa Tel Aviv, fl-Iżrael.

Il-kanzunetta Arcade b’kollox kisbet 492 punt fil-Eurovision tas-Sibt li għadda. 231 punt ġew mill-ġuriji tal-pajjiżi u 261 mill-voti tal-pubbliku. Hu ġab 27 punt aktar mill-Italja, rappreżentati minn Mahmood għall-Italja, u 123 punt aktar minn Sergey Lazarev għar-Russja bil-kanzunetta Scream.

Fl-istorja tal-Eurovision, Duncan Laurence huwa l-ħames rebbieħ għall-Olanda.

Issa l-kantant Duncan Laurence għandu aktar għalxix jiċċelebra.

Filfatt, il-kantant ta’ 25 sena li beda l-karriera tiegħu fl-2014 u kien semifinalista tal-ħames staġun tal-kompetizzjoni The Voice of Holland, mhux biss kiseb għarfien internazzjonali iżda f’pajjiżu, l-Olanda, il-kanzunetta rebbieħa Arcade, diġa daret diska double platinum.

Il-kanzunetta tinsab ukoll tgawdu l-għola post fil-klassifika tal-iTunes madwar l-Ewropa. Minbarra li reġgħet fil-quċċata tal-klaissifika fl-Olanda, Arcade qed gawdi wkoll l-ewwel pożizzjoni fil-Belġju, fi Franza, fi Spanja, fl-Iżvezja, fil-Portugall, fl-Iżrael, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fl-Ukrajna.