Uħud mill-kameras tas-sigurtà (CCTV) f’Tal-Pietà huma finti, jiġifieri twaħħlu għad-dehra biss. Għadd ta’ residenti saru jafu b’dan dan l-aħħar. Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-indikazzjonijiet li huma finti jinkludu l-mudell tal-kameras u l-mod u l-post fejn twaħħlu. Fl-2015 il-Kunsill Lokali tal-Pietà xtara kameras tas-sigurtà minn eBay li swew ftit iktar minn €100.  It-tabelli li jindikaw li hemm il-kameras swew ħames darbiet iktar, €530.  Is-Sindku tal-lokalità qal li wħud mill-kameras m’għadhomx jaħdmu u li hemm bżonn jinbidlu.

Kameras għall-apparenza u ma jirrekordjawx

Mill-inqas żewġ kameras tas-sigurtà fil-lokalità Tal-Pietà huma finti, jiġifieri qegħdin hemm biss għall-apparenza u ma jirrekordjawx filmati.

Sorsi infurmati qalu li l-kameras inkwistjoni huma tat-tip li ma jirrekordjawx, u li minbarra li jwasslu li min jikser il-liġi ma jinqabadx, hemm nuqqas ta’ sigurtà għar-residenti.

“M’aħniex siguri, m’hemmx serħan il-moħħ”

Kamera oħra fi Triq id-Duluri

Residenti fissru d-diżappunt tagħhom meta dan l-aħħar saru jafu li l-kameras qegħdin hemm għad-dehra biss u mhux biex jissorveljaw li ma tinkisirx il-liġi. Iħossuhom insiguri u li l-Kunsill Lokali tal-lokalità qed jidħaq bihom għax jekk tiġri xi ħaġa fl-inħawi, ma jistgħux iserrħu rashom li hemm il-filmati li jixhdu kollox.

Fl-2015 is-Sindku qal li se jinxtraw kameras

Jirriżulta li skont il-minuti tal-Kunsill, waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali fl-2015, is-Sindku tal-lokalità Keith Tanti kien informa lill-membri tal-Kunsill li kienu se jinxtraw CCTV cameras sabiex jitwaħħlu f’zoni fejn kien qed ikun hemm l-abbuż meta jinħareġ skart wara li jkun għadda taż-żibel.

Kameras jinxtraw minn eBay għal €108

Mil-lista ta’ pagamenti tal-Kunsill Lokali ta’ Tal-Pietà, li huma pubbliċi onlajn, jirriżulta li l-kunsill kien xtara kameras tas-sigurtà bejn l-20 ta’ Lulju 2015 u l-14 ta’ Novembru 2015. Dawn inxtraw minn eBay għal €108.26. It-tabelli biex jindikaw li hemm kameras fiz-zona ġew jiswew €531.94. Fil-minuti ma kienx indikat kemm inxtraw kameras u kemm ġew ordnati tabelli bl-ammont ta’ flus imniżżel.

Il-mod fejn tpoġġew u l-mudell

L-istess sorsi ta’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li dawn il-kameras twaħħlu fl-2015, l-istess żmien li huma mniżżla fil-lista tal-ħlasijiet li għamel il-Kunsill. Resident minnhom li hu midħla ta’ dan ix-xogħol indika li huwa ċar li l-kamera li tinsab quddiem il-Knisja tal-Ursolini kif ukoll oħra li tinsab fil-ġenb tal-parkeġġ taħt l-Isptar San Luqa, huma finta. Spjega li dan minħabba l-mod u post fejn tpoġġew, kif ukoll il-mudell tagħhom.

Is-Sindku jgħid li hemm kameras li m’għadhomx jaħdmu

Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-lokalità qal li hemm xi kameras li m’għadhomx jaħdmu u li hemm bżonn jinbidlu.

Il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament, il-Ministru għall-Kunsilli Lokali Owen Bonnici qal li hemm 51 Kunsill Lokali differenti li jħaddmu sistemi ta’ CCTV fil-lokalità tagħhom. Fost dawn il-lokalitajiet hemm imniżżel Tal-Pietà.

AQRA: 51 Kunsill għandhom kameras tas-sigurtà

Meta kien qed iwieġeb lid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, Bonnici spjega li l-Gvern nieda kumpanija Safe City Malta, li fi kliemu qed tagħmel il-provi fit-teknoloġija tal-Huawei bil-għan li tiżviluppa teknoloġija tal-facial recognition. Fisser li bl-emendi fil-liġi din għalissa tista’ tintuża fil-lokalità tal-Marsa u Paceville biex tgħin lill-Pulizija fil-ħidma tagħhom.