Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li n-negozji mhux qed isibu biżżejjed ħaddiema Maltin u għalhekk qed jiġu l-barranin.

Huwa kien qed jitkellem f’attività politika fil-Ħamrun fejn qal li f’Malta qed jiġi investiment li l-poplu Malti qatt ma kien joħlom li jkollu. Żied li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ffirma kuntratt ma’ kumpanija li tagħmel l-ajruplani ż-żgħar u ġejja tiftaħ bażi f’Malta.

Muscat qal li fl-MCAST qed isir investiment ta’ €6 miljun li fih ħafna żgħażagħ qed jitgħallmu snajja’ differenti fosthom il-welding, kif jinstallaw l-air conditions u anke inġiniera.

”€10 miljun għall-bereġ u polyclinics permezz taċ-ċittadinanza b’investiment“

Matul din l-attività Muscat qal li l-Gvern se jkun qed jinvesti €10 miljun biex jirrenova l-polyclinics u l-bereġ ta’ Malta kollha. Huwa qal li dawn il-fondi ġew mill-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment.

”Nifhmu l-problema ta’ housing“

Matul id-diskors tiegħu Muscat qal li jifhem il-problema li diversi persuni qed iħabbtu wiċċhom magħha. Huwa semma li aktar kmieni llum tħabbret skema li l-Gvern jgħin lil dawk li ma jistgħux jixtru darhom. Muscat spjega li persuni ta’ ‘l fuq minn 40 sena li għandhom xi flus taħt rashom jistgħu jixtru propjetà bil-għajnuna tal-Gvern. Żied li permezz ta’ din l-iskema persuna tista’ tixtri nofs id-dar u n-nofs l-ieħor jinxtara mill-Gvern, jekk wara 20 sena persuna tixtieq tixtri l-kumplament tista’ tagħmel dan bil-prezz li tkun inxtrat 20 sena qabel. Min-naħa l-oħra jekk persuna ma tkunx tista’ tixtri dan in-nofs, il-Gvern jikri dan in-nofs lil din il-persuna.

“Kulħadd għandu jħossu kburi li jgħix Malta”

Muscat qal li kulħadd għandu jħossu kburi li jgħix Malta u m’għandix tkun in-norma li għax persuna għandha kulur ta’ ġilda iktar skur jisparaw fuqha.

Żied li ħadd ma għandu jħossu mhedded hu u miexi fit-toroq Maltin. Muscat qal li għandu jkun hawn l-integrazzjoni. Huwa jemmen li persuna ma  tibżax mill-kulur tal-ġilda iżda mill-azzjoni għax jista’ jkun Malti mill-istess raħal li jagħmel il-ħażin.