Il-Biljunarju Amerikan Robert F. Smith wiegħed li se jħallas id-dejn marbut mal-istudju ta’ 396 student li għadhom kemm għamlu l-gradwazzjoni tagħhom f’morehouse College f’Atlanta. Robert Smith li huwa is-CEO ta’ Vista Equity Partners, kien qed jirċievi rikonoxximent għall-istudji tiegħu f’dan il-kulleġġ. Skont il-Wall Street Journal, din il-wegħda hija stmata li se tiswa lil Smith madwar $40 miljun.

Bla dubju ta’ xejn din l-aħbar xejn mistennija minn dawn l-istudenti intlaqgħet b’ferħ kbir għaliex ser tkun qed tfisser li jistgħu jibdew il-ħajja tagħhom mingħajr ix-xkiel ta’ diversi għexieren ta’ eluf ta’ dejn li akkumulaw sakemm lestew l-istudji tagħhom.

Fl-istess waqt din l-għotja qajmet diskussjoni iktar wiesgħa dwar id-dejn li jkollhom isofru bih l-istudenti fl-Istati Unit sabiex ilestu l-istudju tagħhom. Ċifri irrapurtati fuq in-New York Times jindikaw li l-medja ta’ dejn għal kull student fl-aħħar snin tal-istudju jammontaw għal madwar $28,000 kull persuna. Dawn iċ-ċifri jindikaw li d-dejn tal-istudenti żdied b’mod esponenzjali matul is-snin, tant li f’għoxrin sena iktar milli irdoppja fil-valur.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.