Id-Deputat Kap tal-Partit Demokratiku Timothy Alden sostna li l-kandidata għal Membru Parlamentari Ewropew Camilla Appelgren ġiet mhedda b’ħajjitha u b’ħajjet familtha għax esprimiet l-opinjoni tagħha online. Dan wassal biex hi ħassret kemm il-profil tagħha personali, kif ukoll il-paġna ta’ Facebook sabiex tiproteġi lil familtha.

Alden sostna li fost il-messaġġi li ntbagħtu lil Appelgren kien hemm minnhom jgħidulha toqgħod attenta għal ħajjitha, għal ħajjet familtha u li qatt ma għandha tħossha sigura. Intant sostna li kull persuna fil-Partit Demokratiku tinsab wara Appelgren.

Intant, il-kandidat tal-istess partit, Martin Cauchi Inglott, qal li jekk wieħed ma jaqbilx ma’ xi ħadd ma għandu l-ebda dritt u raġuni għaliex jhedded lill-persuna, tant li jwassal lil dak li jkun biex iħassar it-traċċi tiegħu online għax jibża’ mir-riperkussjonijiet.

Appelgren kienet tagħmel użu frekwenti mill-midja soċjali matul il-kampanja tagħha għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.

It-tneħħija tal-profili tagħha ġiet propju wara kontroversja li qamet fuq il-pożizzjoni tal-Partit Demokratiku dwar l-abort. It-Tnejn li għadda, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku ffirmaw wiegħda li jressqu emendi fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż sabiex l-abort jiġi projbit sal-aħħar tas-sena. Wara dan, Appelgren kitbet fuq il-midja soċjali tagħha li hi ma taqbilx li kull tip ta’ abort jiġi projbit, kumment li qajjem kaos fuq il-midja soċjali.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lil Appelgren dwar il-każ madanakollu l-kandidata ma’ kinitx disponibbli biex tagħti kumment dwar il-każ.