Fil-Qorti l-Erbgħa kompla l-każ kontra r-raġel akkużat li qatel lil ommu u lil zitu fit-23 ta’ Lulju 2018.

Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella xehdu żewġ uffiċjali tal-Pulizija mis-CID. Fix-xhieda tagħhom huma qalu li kienu fuq ix-xena tad-delitt fil-Għargħur. Wieħed mill-uffiċjali qal li ra lill-akkużat bilqiegħda fil-karozza tal-Pulizija meta wasal hemm hekk. Tkellmu wkoll fuq it-tfittxijiet li saru fuq il-post dakinhar.

Il-każ ikompli fl-10 ta’ Lulju fl-10am.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Zahra filwaqt li għall-akkużat deher l-avukat Francois Dalli.

14:37 Jixhed PC Jonathan Galea mis-CID. Jgħid li ċempilu l-Ispettur Sciberras u wasal fuq il-post 7.15am. Jgħid li huwa ngħata l-kartiera tal-akkużat u mowbajl tal-akkużat. Galea jgħid li huwa ma daħalx fir-residenza u x’ħin wasal l-akkużat kien hemm flimkien mal-Pulizija tad-Distrett u tal-Rapid Intervention Unit.

Il-każ ikompli 10 ta’ Lulju fl-10am.

14:34 Jixhed PC Gary Scerri mis-CID. Jgħid li huwa mar fuq ix-xena tad-delitt għat-8am. Spjega li huwa kien barra u bdew isaqsu lill-ġirien, li kollha qalu li ma semgħu xejn.

Scerri jgħid li huma kienu nfurmati li kien hemm xi omiċidju. Jgħid li meta wasal hu, kien hemm persuna mejta fuq il-post u oħra feruta. Spjega li l-akkużat kien bilqiegħda ġol-karozza tal-Pulizija.

Huwa spjega li saru tfittxijiet fuq il-karozzi pparkjati kif ukoll f’garaxx li kien jintuża mill-akkużat.

14:31 Jibda jixhed Lennox Vella li ppreżenta traskrizzjoni.

AQRA: Qtil doppju Għargħur: Ħutu jieħdu l-ġurnament u jagħżlu li ma jixhdux

AQRA: Qtil Għargħur: “Ħlief demm ma rajniex” – il-pulizija

Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tar-raġel akkużat bil-qtil ta’ ommu u zitu fil-Għargħur. Il-każ seħħ fit-23 ta’ Lulju għall-ħabta tas-6.30am fi Triq Fidiel Zarb, b’raġel ta’ 42 sena mill-Għargħur allegatament jaggredixxi lin-nisa b’arma bil-ponta. In-nisa nstabu feruti fil-washroom tar-residenza.