Il-Papa jindirizza professjonisti fil-qasam tal-kura medika

F’diskors li għamel lil membri tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Ħaddiema Kattoliċi fil-qasam tas-saħħa, fl-okkażjoni tal-400 anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-Papa tkellem dwar id-difiża, ir-rispett u l-promozzjoni tal-ħajja.

Il-Papa Franġisku rringrazzjahom għax-“xogħol imprezzabbli” li jagħmlu ma’ persuni mil-aktar vulnerabbli jew morda, mal-anzjani u ma’ dawk emarġinati. Il-Papa nnota kif matul l-aħħar snin is-sistemi tal-kura nbidlu radiklament u flimkien mal-avanzi fit-teknoloġija, żdiedu wkoll il-problemi etiċi.

Hu enfasizza li “kull prattika jew intervent mediku fuq il-bniedem għandu jkun evalwat tajjeb biex wieħed jara jekk dawn jirrispettaw il-ħajja u d-dinjita umana”.

Oġġezzjoni ta’ Kuxjenza

Il-Papa Franġisku enfasizza li l-prattika tal-oġġezzjoni tal-kuxjenza f’każi estremi fejn l-integrità tal-ħajja umana tkun fil-periklu hi bażata fuq “il-bżonn personali li wieħed ma jaġixxix b’mod li jmur kontra l-konvinzjoni etika tiegħu u tirrappreżenta wkoll sinjal għall-ambjent mediku li wieħed isib ruħu fih kif ukoll għall-pazjenti nfushom u l-familji teagħhom”.

Madankollu l-Papa nsista li l-oġġezzjoni trid issir b’rispett u umiltà biex ma ssirx ta’ siprezz u suppevja. F’sitwazzjonijiet bħal dawn id-djalogu hu mportanti ħafna, speċjalment ma’ dawk li għndhom fehmiet differenti.

 Kull persuna hi unika

Il-Qdusija Tiegħu stieden lil dawk preżenti biex iħarsu lejn l-umanità ta’ Kristu li għallimna li kull individwu “mhux numru imma persuna unika u rripetibbli”.

Hu rrifera għall-fatt li ħafna drabi minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ profitt u tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bżonnijiet tal-pazjenti jaqgħu fit-tieni post flok ma’ dawn ikunu akkumpanjati tul il-marda tagħhom.

Il-Papa tkellem ukoll dwar l-importanza li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa jkollhom salvagwardji adegwati fix-xogħol tagħhom biex jevitaw ir-riskji waqt li jkunu qed jikkuraw lill-oħrajn.

Hu nkoraġixxa lill-Assoċjazzjoni biex tagħmel attenzjoni partikolari biex fil-qasam tat-taħriġ tagħti mportanza wkoll lill-aspett spritiwali, biex id-dimensjoni fundamentali tal-persuna, li ħafna drabi tkun traskurata għalkemm hi ferm importanti, tkun apprezzata speċjalment għal dawk li jgħix bil-mard jew huma qrib dawk li qed isofru.