Id-ditta ewlenija ta’ investiment, EQT Infrastructure għadha kemm xtrat lill-kumpanija Melita Ltd. mingħand Apax Partners u Fortino Capital.

Dan tħabbar illum permezz ta’ stqarrija fejn ġie spjegat li EQT għanda l-ħsieb li tassissti fit-tkabbir tal-Melita billi tkompli ttejjeb in-netwerks tal-linji fissi u dawk tal-linji ċellulari tagħha, kif ukoll tiftaħ data centre ieħor f’Malta. Intqal li se tappoġġja wkoll l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Melita, inkluża l-espansjoni fl-Italja, kif ukoll il-proposta innovattiva tagħha fir-rigward tal-konnettività IoT. Melita se tkompli topera taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv Harald Rösch, li ilu għal żmien twil Konsulent Industrijali tal-EQT kif ukoll Kap Eżekuttiv tal-Melita sa minn April tal-2016.

Skont Ulrich Köllensperger, li huwa msieħeb ta’ EQT Partners u Konsulent fuq l-Investiment għal EQT Infrastructure IV, qal li EQT inbniet fuq il-ħeġġa sabiex tiżviluppa l-kumpaniji. Spjega li l-kumpanija tinvesti f’kumpaniji tajbin madwar id-dinja kollha bil-għan li jinbidlu, mhux biss f’kumpaniji mill-aqwa, iżda wkoll f’kumpaniji sostenibbli.

Intant, Harald Rösch, il-Kap Eżekuttiv tal-Melita, qal li “permezz ta’ ħidma qawwija mill-impjegati kollha u bl-appoġġ tas-sidien tagħna, poġġejna lil Melita bħala l-aqwa kumpanija fis-suq tat-telekomunikazzjoni f’Malta.”