Aħbar kerha għad-dilettanti tal-kċina tal-kok-imprenditur Jamie Oliver hekk kif in-negozju tiegħu fir-Renju Unit ġie dikjarat fallut. Dan wassal biex 22 mill-25 ristorant li għandu fir-Renju Unit għalqu, b’telfien ta’ aktar minn elf post tax-xogħol. L-uniċi tliet ristoranti li se jibqgħu miftuħa huma t-tliet li għandu fl-ajruport ta’ Gatwick, fejn jaħdmu mat-300 persuna oħra.

Ir-ristoranti ta’ Oliver huma meqjusa li trasforma l-esperjenza ta’ x’wieħed jistenna minn ristorant fit-toroq prinċipali tar-Renju Unit. Ir-ristoranti milquta jinkludu 22 ristorant Jamie’s Italian, iżda ma jaffettwawx dawk barra l-pajjiż li kollha huma mmexxijja minn frankiġji.

Esperti tas-suq spjegaw kif fost ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni kienet il-fatt li żdiedu għadd ta’ ktajjen tal-ikel li jimmirraw is-suq tal-klassi medja, simili għal Jamie’s, kif ukoll il-fatt li dan tal-aħħar prova jbiegħ ditta ta’ klassi għolja fis-suq tal-massa, b’enfasi qawwija fuq ingredjenti friski.

Oliver investa miljuni ta’ dollari fin-negozju tiegħu fl-aħħar snin iżda qal li r-ristoranti tiegħu ntlaqgu minn żidiet fil-kirijiet, fil-pagi, fil-prezzijiet tal-ikel kif ukoll iż-żieda qawwija fil-popolarità tat-takeaways u d-deliveries. Dan kollu wassal għal dak li hu ddeskriva bħala maltempata perfetta.

British Steel qrib falliment

Il-futur ta’ aktar minn 5000 impjegat tal-kumpanija tal-azzar British Steel jinsab fil-periklu hekk kif il-kumpanija bdiet proċess ta’ likwidazzjoni. British Steel hija t-tieni l-akbar manifattur ta’ azzar fir-Renju Unit u indikat fl-aħħar jiem li għandha bżonn għajnuna ta’ emerġenza ta’ 75 miljun sterlina f’appoġġ għal problemi li qed taffronta fid-dawl tat-tluq possibbli tar-Renju Unit mill-UE. Barra l-5,000 impjieg dirett, madwar 20,000 persuna oħra huma affettwati minn din il-kumpanija b’mod indirett. Madankollu d-diskussjonijiet mal-Gvern Ingliż ma mmaterjalizzawx f’għajnuna u l-kumpanija ma kellhiex triq oħra ħlief dik ta’ likwidazzjoni.

Il-Partit Laburista Ingliż qed jipproponi li l-kumpanija tiġi nazzjonalizzata, xi ħaġa li l-Gvern jemmen li tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk ikun hemm xerrejja kredibbli lesti jidħlu għal kumpanija. Fil-preżent, ma jidher li hemm ħadd interessat jidħol f’dan in-negozju li qed jaffronta sfidi kbar u b’kumpanija li tiġi tinstab f’sitwazzjoni prekarja.

F’April, British Steel issellfet 100 miljun sterlina mill-Gvern biex tħallas penali Ewropej marbuta mal-produzzjoni ta’ dijossidu tal-karbonju, biex b’hekk tevita multa qawwija.

Il-kumpanija ntlaqtet ħażin mit-tnaqqis fil-valur tal-isterlina sa mir-referendum dwar Brexit kif ukoll mit-tensjonijiet kummerċjali tal-Puntent maċ-Ċina. Wieħed mill-akbar konsumaturi tagħha huwa Network Rail, fejn il-kumpanija tipprovdi madwar 95% tal-linji tal-ferroviji.

Il-Brażil f’xifer riċessjoni

Il-Gvern Brażiljan ħabbar sensiela ta’ iffriżar baġitarju li mistenni jwassal biex l-ekonomija tal-pajjiż, li diġà qed tikber b’mod limitat, tersaq lejn riċessjoni. l-investiment fil-pajjiż din is-sena mistenni jkun biss ta’ 0.5% tal-Prodott Gross Domestiku

Filwaqt li l-bżonn ta’ titjib fil-finanzi pubbliċi tal-pajjiż, l-aħħar miżuri ta’ awsterità speċjalment il-qtugħ għall-investimenti pubbliċi, jista’ jkollhom konsegwenzi politiċi u ekonomiċi serji.

Għexieren ta’ eluf ta’ persuni protestaw fit-toroq ta’ aktar minn 200 belt fl-aħħar jiem wara iffriżar ta’ investiment fil-qasam edukattiv. Dan qed ikompli jdgħajef il-fiduċja fil-President Bolsonaro li ilu fil-kariga mill-bidu tas-sena. Bosta ekonomisti qed jikkritikaw il-mossa finanzjarja tal-Gvern, u qalu li dan it-tnaqqis drastiku tan-nefqa pubblika, speċjalment fejn jidħlu proġetti kapitali u infrastrutturali, se jaqta’ nifs l-ekonomija tal-pajjiż u jdaħħalha f’riċessjoni li toħloq aktar problemi soċjali.

Fl-aħħar jiem il-Gvern diġà naqqas it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku minn 2.2% għal 1.6%, iżda ħafna qed jindikaw li din iċ-ċifra ma tistax tintlaħaq, speċjalment wara li l-ekonomija ċkienet fl-ewwel kwart. Is-Sajf Brażiljan mistenni jkun jaħraq, u mhux biss għall-klima: filfatt, mistennija li l-protesti jkomplu, hekk kif il-Gvern se jkollu jieħu aktar deċiżjonijiet drastiċi fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.