Raġel ġie arrestat wara li nqabad ipoġġi diversi snanar fl-ikel tal-qtates.

Kenny Rowles ta’ 27 sena minn Pennsylvania, fl-Istati Uniti, ammetta li kien qed joħroġ laħam għall-qtates tat-triq u jitfa’ diversi snanar fih.  Huwa qed jaffaċċja akkużi marbuta mal-krudeltà u moħqrija tal-annimali, inkluż tortura.

Skont rapport fil-midja internazzjonali, uffiċjali mill-Animal Welfare kienu kkuntattjati l-ewwel darba fit-8 ta’ April biex jinvestigaw għidut li Rowles kien qed jiftaħar mal-ġirien tiegħu li kien qed jattira l-qtates billi joffrilhom laħam fuq sunnara.

Mill-investigazzjoni ħareġ li diversi minn dawn il-qtates spiċċaw instabu bi snanar maqbuda ma’ griżmejhom kawża ta’ dan il-maltrattament, hekk kif is-sunnara kienet qed tkun moħbija fl-ikel. Hekk kif diversi qtates qed ikunu trattati għal dawn il-ġrieħi, Rowles inżamma arresstat hekk kif ma rnexxilux iħallas €100,000 għall-ħelsien mill-arrest.