Express Trailers dan l-aħħar wasslet madwar 40km ta’ pajpijiet ta’ l-ilma f’Malta għal Electrosteel Castings (UK) Ltd. Il-pajpjijet ta’ kulur vjola li l-ħxuna tagħhom tvarja minn 80mm għal 300mm se jintużaw f’proġett imniedi s-sena l-oħra mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma f’Ta’ Barkat limiti tax-Xgħajra, sabiex tinħoloq alternattiva vijabbli u ta’ kwalita għolja ta’ estrazzjoni ta’ l-ilma.

Il-proġett, kofinanzjat b’Fondi ta’ Koeżjoni ta’ l-UE, se jwassal għat-tkabbir tas-sistema preżenti ta’ distribuzzjoni tad-drenaġġ għat-trattament sabiex ikun jista’ jintuża mill-bdiewa Maltin fin-nofsinhar ta’ Malta u f’Għawdex. Fil-fatt, huwa stmat li l-40km ta’ pajpijiet li se jkunu qed jintużaw, se jkopru madwar 60% tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma għat-tisqija fil-Gżejjer Maltin.

Electrosteel UK ilha taħdem ma’ Express Trailers għal madwar tmien snin. Sa mill-bidu, Express Trailers dejjem tqabbdet twassal konsenji ta’ pajpijiet għall-ilma tax-xorb fosthom waqt il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kosta, fejn wasslu l-pajpijiet għand kuntratturi differenti waqt ix-xogħol ta’ tħaffir.

Ħafna drabi, meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kellha bżonn urġenti ta’ pajpijiet jew aċċessorji, Express Trailers kienet tintalab tiġbor dan il-materjal bit-trailer mir-renju Unit u kienet twassalhom Malta fuq is-sit f’inqas minn ġimgħa, qal kelliem għal Electrosteel Castings Ltd f’Malta.

Il-pajpijiet tal-ħadid inħadmu minn Electrosteel Castings Ltd li ilha tipproduċi u twassal dawn il-pajpijiet għad-distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb sa mill-2001. Sa llum, twasslu ‘l fuq minn 375km ta’ pajpijiet, fejn kull ordni, ħarġet wara tenders kompetittivi fost suppliers oħrajn.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ilha snin twal taħdem sabiex twassal ilma ta’ kwalita’ għolja bħala alternattiva vijabbli għall-estrazzjoni. Il-frott tar-riċerka u l-kostruzzjoni mill-esperti tekniċi tal-WSC b’hekk qed jgħinu biex Malta tikseb iżjed sostenibbilta’ ambjentali u produzzjoni iżjed sostenibbli ta’ ilma.