Il-karti tal-flus il-ġodda ta’ €100 u €200, l-aħħar karti fis-sensiela Europa, se jibdew jiċċirkolaw illum. Dawn għandhom karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda u innovattivi u huma faċli biex jiġu ċċekkjati bl-użu tal-metodu “ħoss, ħares u mejjel”.

Fuq in-naħa ta’ fuq tal-istrixxa lewn il-fidda l-ologramma satellitari turi simboli € żgħar li jiċċaqalqu madwar in-numru meta l-karta titmejjel u jsiru iktar ċari taħt id-dawl dirett. L-istrixxa lewn il-fidda turi wkoll xbieha taʼ wiċċ Europa, il-motiv arkitettoniku u s-simbolu € kbir. Il-karti tal-flus il-ġodda ta’ €100 u €200 fihom ukoll simboli € ġewwa n-numru. Filwaqt li n-numru żmerald huwa preżenti fuq il-karti tal-flus l-oħra kollha tas-sensiela Europa, din il-verżjoni mtejba turi wkoll simboli € ġewwa n-numru.

Il-karti l-ġodda ta’ €100 u €200 issa huma tal-istess għoli bħall-karta tal-flus ta’ €50. Il-Bank Ċentrali Ewropew qal li dan jagħmilhom aktar faċli biex jintużaw u jiġu pproċessati bil-magni. Skont il-Bank, huma joqogħdu aħjar ukoll fil-portafolli tan-nies u jservu iktar, billi jkunu inqas suġġetti għat-tħassir.

Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali Ewropew spjega li l-€100 hija t-tielet l-iktar karta tal-flus użata l-aktar, wara l-€50 u l-€20. Id-domanda għall-karti tal-flus ta’ €100 u €200 qed tiżdied, b’rata annwali ta’ 7.6% għall-€100 u 8.6% għall-€200.

Il-karti tal-flus ta’ €100 u €200 tal-ewwel sensiela se jkomplu jiċċirkolaw flimkien mal-karti tal-flus l-ġodda u gradwalment, se jiġu rtirati miċ-ċirkolazzjoni.