diżabilità edukazzjoni sesswali
Archives

L-Aġenzija Sapport, bħala parti mill-proġett INK, qed torganizza numru ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għal ġenituri u nies li jieħdu ħsieb persuni b’diżabbiltà.

F’dan it-taħriġ jiġu indirizzati diffikultajiet u benefiċċji li ħajja indipendenti tagħti lil persuni b’diżabbiltà u lil qrabathom. Jiġu diskussi wkoll kif dawn jikkomunikaw ma’ ta’ madwarhom, il-piż li jħossu l-ġenituri u min jieħu ħsieb it-tfal, u tingħata informazzjoni dwar kif dawn jistgħu jassistu aħjar lill-persuna b’diżabbiltà tidħol fid-dinja tax-xogħol.

Dan it-taħriġ huwa ta’ sitt sigħat, u hu mqassam fuq żewġ sessjonijiet ta’ tliet sigħat-il waħda. Jingħata wkoll ċertifikat lil dawk li jattendu għaż-żewġ sessjonijiet. Dawn is-sessjonijiet huma mingħajr ħlas.

Se jsiru żewġ korsijiet, wieħed it-Tlieta 11 ta’ Ġunju u l-Ħamis 13 ta’ Ġunju, u t-tieni ħa jsir it-Tnejn 17 ta’ Ġunju u l-Erbgħa 19 ta’ Ġunju. Kull sessjoni tkun mill-4pm sas-7pm, fil-binja tal-Aġenzija Sapport, Professional Development Centre, Triq il-Ħarrub, Santa Venera.

Dawk interessati jistgħu japplikaw billi jibagħtu email fuq eu.sapport@gov.mt jew iċemplu fuq 2256 8000 u jistaqsu għall-proġett INK.

Il-proġett INK, imsemmi fil-qasir għal inklużjoni, huwa immirat sabiex jassisti persuni b’diżabblità biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan il-proġett hu mmexxi mill-Aġenzija Sapport u hu kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, 2014-2020.