L-HSBC Bank Malta p.l.c. qed ikompli joffri appoġġ lill-klijenti biex jixtru propjetà permezz ta’ firxa ta’ għażliet ta’ self għal dan il-għan.

Il-bank għamel ukoll titjib sinifikanti fis-servizz tiegħu ta’ self għal djar. Il-bank ħabbar dan waqt avveniment ta’ netwerking esklussiv li sar għall-aġenti tal-proprjetà, nutara, periti u persuni oħra interessati.

Fid-dawl tad-dibattitu li għaddej dwar is-sostenibbiltà u l-futur tas-suq tal-proprjetà residenzjali, il-bank stieden lil Dr Gordon Cordina, ekonomista u konsulent, biex jippreżenta s-sejbiet minn studju li għadu kemm wettaq dwar il-prestazzjoni riċenti tas-suq tal-proprjetà f’Malta.

L-istudju kkonkluda li ż-żieda fid-dħul mill-bejgħ tal-proprjetà residenzjali fl-2018 tidher li qed tkompli tkun appoġġata minn prinċipji fundamentali ekonomiċi, u li l-kundizzjonijiet huma stabbiliti għat-tkomplija ta’ żieda bħal din, għalkemm possibilment b’rata aktar moderata għal din is-sena stess kif ukoll għall-2020.  L-istudju wera ukoll li ż-żona fit-tramuntana tal-Port il-Kbir, fejn il-prezz medju tal-proprjetà hu d-doppju tal-medja nazzjonali, kienet tammonta għal 30% tad-dħul totali tas-suq u tirrifletti 40% tat-tkabbir tiegħu fl-2018.

Min-naħa l-oħra, l-ogħla rati ta’ tkabbir fil-prezz u l-ogħla tkabbir relattiv fid-dħul kienu rreġistrati fiż-żoni ċentrali, li huma aktar affordabbli. Dr Cordina enfasizza li l-investiment fil-kwalità hu essenzjali għar-reżiljenza tas-suq, filwaqt li l-evoluzzjoni tas-suq b’ċerta ordni hi essenzjali biex ikun sostnut it-tkabbir tiegħu.

L-avveniment kien indirizzat ukoll minn Daniel Robinson, Kap tar-Retail Banking and Wealth Management tal-HSBC f’Malta. Hu semma’ diversi bidliet li għamel l-HSBC f’dawn l-aħħar xhur biex ikompli jappoġġja lill-klijenti tiegħu u biex jagħmel il-proċess ta’ self għad-djar aktar mgħaġġel minn qatt qabel.

Robinson tkellem ukoll dwar il-proposti ta’ rata fissa u varjabbli tajbin li l-bank nieda f’dawn l-aħħar xhur, kif ukoll dwar il-miżuri l-oħra li ħa biex iħarreġ u jiżviluppa l-istaff tiegħu. Hu  laqa’ l-pubblikazzjoni riċenti tad-direttiva tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar self b’ipoteka. Qal li l-HSBC hu favur din id-direttiva għax se tagħti linji gwida speċifiċi minimi għal self responsabbli, lil min isellef, u meta jagħmel hekk, ikun qed jipproteġi s-sostenibbiltà futura tas-settur.