Waqt il-21 laqgħa ġenerali annwali ta’ GO, iċ-Chairman Mohamed Fadhel Kraiem faħħar l-impenn tal-kumpanija li tikseb riżultati iżjed b’saħħithomkif ukoll qligħ mill-investiment li jkompli jżid il-valur lill-azzjonisti tal-kumpanija u lill-ekonomija ta’ Malta.

“Ir-riżultati ta ‘din is-sena u l-istrateġija ffukata jikkonfermaw l-impenn ta’ GO li jibqa’ jkollha rwol ewlieni fit-tkabbir ta’ l-ekonomija ta’ Malta. Aħna nirrikonoxxu r-rwol importanti ta’ GO fis-soċjetà Maltija mhux biss bħala kontributur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll biex niżguraw il-konnessjoni ta’ Malta mal-bqija tad-dinja. Matul l-aħħar 10 snin, investejna aktar minn € 240 miljun u se nkomplu ninvestu miljuni aktar kull sena biex inżommu l-aqwa teknoloġiji fis-snin li ġejjin.”

GO ħabbret li d-dħul laħaq il-€171.8 miljun matul l-2018, meta mqabbel ma’ €166.3 miljun reġistrati s-sena ta’ qabel, filwaqt li l-qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa u l-amortizzazzjoni (EBITDA) ġie rreġistrat għal €69.5 miljun meta mqabbel ma’ €65.6 miljun fl-2017, żieda ta’ 6%. Il-profitt operattiv tal-Grupp laħaq it-€33.1 miljun, żieda ta’ 12% fuq id-€29.5 miljun reġistrati fl-2017. Għaldaqstant kien rakkomandat dividend ta’ €0.14 għal kull sehem, żieda ta’ 7.7% fuq l-2017 fuq rakkomandazzjoni mill-Bord bl-approvazzjoni ta’ l-azzjonisti.

“Matul is-sena li għaddiet iffukajna ħafna fuq tliet oqsma ewlenin: li nżidu l-valur lill-klijenti tagħna, li niżviluppaw organizzazzjoni li tibqa’ titgħallem u li nkomplu nwasslu qligħ lill-azzjonisti tagħna, u kburi ħafna bit-tim tiegħi hekk kif qed inkomplu nagħmlu progress kbir fuq dawn it-tlett oqsma. L-investiment konsiderevoli tagħna fin-netwerks u n-nies tagħna, u l-innovazzjoni fil-prodotti u s-servizzi tagħna wasslu għal prestazzjoni pożittiva ħafna matul l-2018. L-għan tagħna huwa li niżguraw sostenibbiltà fit-tul filwaqt li nsibu opportunitajiet biex nipprovdu qligħ akbar lill-azzjonisti tagħna,” qal Nikhil Patil, Uffiċjal Kap Eżekuttiv f’GO.

Huwa spjega li l-2018 kienet sena oħra pożittiva ħafna għall-Grupp u hija r-riżultat tal-viżjoni tal-Bord, ta’ tim allinjat u impenjat lejn il-viżjoni tal-kumpanija.

Nikhil Patil spjega l-istadji ewlenin tal-GO matul is-sena finanzjarja li għaddiet, jiġifieri t-tkabbir kontinwu tal-klijenti f’Malta u Ċipru, l-innovazzjoni fil-portafoll tal-prodotti ta’ GO u l-investiment kontinwu tagħha fit-teknoloġija u l-introduzzjoni ta’ True Fiber, u l-missjoni tagħha li ssaħħaħ ir-relazzjoni mal-klijenti permezz ta’ soluzzjonijiet b’saħħithom għall-immaniġġjar tar-relazzjonijiet.

“GO kompliet twassal andament b’saħħtu mill-operat ewlieni tagħha, flimkien ma’ tkabbir impressjonanti mid-data tagħna u mis-servizzi tal-ICT permezz ta’ BMIT u Kinetix. Is-sussidjarja Ċiprijotta tagħna, Cablenet, uriet ukoll li kienet kontributur ewlieni għat-tkabbir ġenerali. Illum, 19% tad-dħul tal-Grupp huwa derivat minn Cablenet. Cablenet wasslet għal żieda fid-dħul ta’ 8% u tkabbir ta’ l-EBITDA ta’ 10.5%,” kompla Nikhil Patil.

Reuben Zammit, iċ-Chief Financial Officer imbagħad ta analiżi aktar fil-fond ta’ l-andament finanzjarju tal-Grupp għall-2018.

Ir-Rapport Annwali ta’ GO u r-Rendikonti Finanzjarji huma disponibbli onlajn fuq www.go.com.mt.