Il-Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni għadha kemm imbarkat fuq għadd ta’ attivitajiet biex matul Mejju tas-sena 2020 tfakkar il-mitt sena mit-Twelid tal-Papa Pollakk illum qaddis Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni u t-tletin sena mindu kien żar il-gżejjer Maltin.

Dawn l-attivitajiet fetħu nhar is-Sibt filgħaxija 25 ta’ Mejju 2019 meta fil-Knisja Kolleġjata u Bażilika tal-Viżitazzjoni fl-Għarb, l-‘Omnia Quartet’ ippreżentat kunċert  mużikali li matulu ġew esegwiti ħames biċċiet ta’ kompożituri magħrufa li kienu jinkludu lil Mozart, Vivaldi, Respighi, Grieg u Tchaikovski.

Is-serata kienet tinkludi wkoll messaġġ mill-President u Fundatur tal- JP2 Foundation, il-Kommendatur Charles Zammit u poeżija li kien kiteb fil-mewt tal-Papa  l-Kav Joe M Attard.  Il-mużiċisti żgħażagħ kienu ġejjin mill-Polonja, l-Ungerija u l-Italja. L-għada l-Ħadd filgħodu fil-knisja parrokkjali ta’ Sant’Indrija f’Ħal Luqa, mexxa l-quddiesa tad-9am Monsinjur Arċisqof Joseph Spiteri, in-Nunzju Appostoliku ta’ Malta għal Lebanon.

L-Omelija tal-okkażjoni għamilha l-Arċipriet tal-Katidral t’Għawdex Rev Dr Mons Joseph Sultana.  L-għada t-Tnejn, fil-bidu tal-ġimgħa  tal-festa titulari  fil-Knisja ta’ Sant’Antnin f’Għajnsielem, il-Fondazzjoni ppreżentat il-Kor Ingliż Brecon Cathedral Choir minn Wales fir-Renju Unit li kien taħt id-direzzjoni ta’ Stepħen Power u l-organista John Pilgrim.

Dan il-kor kompost minn tfal li jmorru f’diversi skejjel mferrxa ma’ Wales kantaw għadd ta’ għanjiet ta’ kompożituri magħrufa fosthom Hubert Parry (1848-1918), Judith Weir (b. 1954), Charles Wood ( 1866 – 1926), John Sanders (1933 – 2003), Joseph Rheinberger  (1839 – 1901), Charles Villiers Stanford (1852 – 1924), Ian King (b. 1962) u li kien preżenti mal-Kor, Robert Parsons (1535 – 1571) u Orlando Gibbons (1583 – 1625).  Waqt il-Kunċert l-organista John Pilgrim daqq ukoll fuq l-orgni ‘A Fancy’ ta’ Thomas Tomkins (1572 – 1656).

Dan l-istess kunċert korali rrepeta ruħu l-għada fil-Knisja tal-Addolorata f’San Pawl il-Baħar u kellu attendenza tassew sabiħa.

Kav Joe M Attard

Rabat –  Għawdex