Ritratt: Wordpress

Bħalissa qed tingħata ħafna importanza barra minn xtutna l-istorja ta’ Hayley Moss hekk kif fl-eta’ ta’ 24 sena laħqet avukat. X’hemm speċjali biex jagħmel din l-istorja daqstant importanti u waħda ta’ suċċess? Hayley hija l-ewwel avukat mara fi Florida li tbati mill-awtiżmu u l-istorja tagħha hija ta’ ispirazzjoni għal dawk kollha li jbatu jew għandhom l-ulied ibatu bl-awtiżmu.

Fl-eta’ ta’ tlett snin Hayley kienet kapaċi tgħaqqad jigsaw puzzle ta’ mitt biċċa, u kienet ukoll kapaċi taqra weħidha. Iżda kienet tbati meta titkellem u tkun trid tesprimi lilha nfisha. Il-ġenituri tagħha nnuttaw il-kapaċitajiet tagħha iżda nnuttaw li kienet lura biex tesprimi lilha nfisha bil-kliem. Kien għalhekk li bdew jeħduha għand it-tobba u skoprew li t-tifla tbati bl-awtiżmu. Għalhekk sena wara kienet bdiet titpoġġa fi kjassijiet apposta fl-iskola li kienet tattendi.

Ta’ 15-il sena kitbet l-ewwel ktieb tagħha “Middle School – The Stuff Nobody Tells You About It: A Teenage Girl With ASD Shares Her First Experiences.” Kompliet ukoll tikkontribwixxi f’aktar kotba u b’hekk bl-istorja tagħha li llum qed tinfirex sew madwar id-dinja, u qed jirnexxielha tkun ta’ forċina għal dawk li jaħsbu li l-awtiżmu jista’ jitfagħhom lura fil-ħajja.

“Illum il-ġurnata nirrealizza li jekk naqsam l-istorja tiegħi nista’ nkun qed nibni t-tama għal ħaddieħor,” qalet it-tfajla ta’ 24 sena f’waħda mill-intervisti li tat.

Wara li ggradwat mill-Universita’ ta’ Florida, Moss bdiet titħarreġ il-liġ fl-Universita’ ta’ Miami. Tistqarr li bdiet tistudja l-liġi għax riedet tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Iggradwat sena ilu u saħansitra kienet bdiet taħdem fil-qasam tal-liġi qabel l-eżamijiet. Illum hi tiffoka fuq kwistjonijiet internazzjonali u s-saħħa.

Il-pjan tagħha huwa wieħed: dak li turi li fil-ħajja xejn ma hu impossibbli.