Illum il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista għandu jiltaqa’ sabiex jiddeċiedi min għandu jieħu s-siġġu ta’ David Stellini fil-Parlament. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said kiteb pubblikament li jemmen li s-siġġu għandu jimtela minn Għawdxi, u għadda l-messaġġ lil dawk fil-Kumitat li Kevin Cutajar jixraqlu jieħu s-siġġu.

Aqra: Kevin Cutajar jew Jean Pierre Debono bħala MP ġdid għall-PN?

Wara li David Stellini rreżenja mill-Parlament nhar it-Tlieta, urew l-interess tagħhom żewġ membri tal-Partit Nazzjonalista, l-eks Membru Parlamentari Jean Pierre Debono li kien ċeda postu fil-Parlament fl-2017 biex ikun fil-Parlament il-Kap tal-PN Adrian Delia, u Kevin Cutajar, li lbieraħ ġie elett kunsillier fix-Xagħra. Huwa ġab l-iżjed voti wara Stellini bħala kandidat Għawdxi fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Aqra: Kevin Cutajar interessat li jieħu s-siġġu ta’ Stellini

“M’għandix dubju li missu jkun Kevin” – Said

Il-Membru Parlamentari Għawdxi kompla jgħid li m’għandux dubju li l-persuna denja għal din il-kariga hija Kevin Cutajar, għax missu jkun elett minn Għawdex, għax Cutajar ilu snin jagħti s-servizz tiegħu lill-PN u lil Għawdex, u għax dan ikun messaġġ qawwi fuq bażi nazzjonali mill-PN.

“Żball jekk il-PN ‘jarmi’ lil Għawdex” – Said

Min-naħa tiegħu, Chris Said kiteb fuq Facebook sabiex jinforma lill-Kumitat Eżekuttiv li jemmen li għandha ssir ir-rieda tal-Għawdxin u s-siġġu jimtela minn kandidat Għawdxi. Huwa qal li kienu ħafna l-Għawdxin li avviċinawh u esprimew din ix-xewqa miegħu, u qalulu li jkun żball jekk il-PN ‘jarmi’ lil Għawdex b’din id-deċiżjoni.

Said huwa tal-fehma li l-Eżekuttiv għandu jimxi mal-istatut tal-PN u jagħmel koptjar, sabiex jinħatar Kevin Cutajar. Huwa qal li f’każijiet simili, il-Partit dejjem mexa li l-kandidat ikun mill-istess distrett.

Barra minn Said, kien hemm ukoll Rosa Borg li esprimiet il-fehma li jekk il-PN jaħtar lil Kevin Cutajar, ikun qed iwassal messaġġ li wieħed jista’ jasal fejn jixtieq minkejja d-diżabbiltà li jkollu. Jekk jinħatar, Cutajar ikun l-ewwel persuna b’diżabbiltà fil-Parlament Malti.