Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-impenn tal-Partit Laburista issa li għandu 47 kunsill lokali f’idejh huwa kbir. Huwa qal li hu se jkun l-ewwel wieħed li jgħid li lest li jerfa’ din ir-responsabbiltà.

Muscat tkellem waqt attività politika fin-Nadur, b’reazzjoni għar-rebħiet tal-PL fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali. Huwa rringrazzja b’mod partikolari lill-Għawdxin talli kienu parti minn din ir-rebħa li hu sejħilha storika. Muscat qal li l-PL għamel kisbiet f’Għawdex, billi akkwista l-lokalitajiet tal-Għarb u ż-Żebbuġ li qabel kellhom maġġoranza Nazzjonalista, u llum il-PL għandu l-istess numru ta’ siġġijiet.

Filmati: 47 lokalità jintrebħu mill-PL; 19 mill-PN; 2 indeċiżi

Il-Prim Ministru spjega kif il-Partit Laburista fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali “żied bi 15-il kunsillier u żidna kontroll ta’ ħames kunsilli lokali, b’total ta’ 47 kunsill lokali. Dan ifisser li 70% tal-kunsilli lokali tal-pajjiż kollha issa jinsabu maġġoranza tal-Partit Laburista.”

Huwa qal li tkellem mal-President tal-PL Daniel Micallef sabiex jinħolqu strutturi interni fil-partit li jkunu ta’ appoġġ għall-kunsilli lokali.

Muscat semma r-rebħiet tal-Belt Valletta u s-Siġġiewi, li qieshom rebħiet importanti. Lokalitajiet oħra li dejjem ikunu fuq ix-xifer iżda li l-Partit Laburista rnexxielu jikseb il-maġġoranza tas-siġġijiet fihom huma San Pawl il-Baħar, il-Mosta, il-Mellieħa, l-Imqabba u Birkirkara.

Huwa rringrazzja b’mod speċjali lin-nisa u liż-żgħażagħ li kienu parti minn din l-elezzjoni, b’36% tal-kunsilliera li huma żgħażagħ, 16 minnhom sindki u 16 minnhom viċi sindki. Dwar in-nisa, Muscat qal li ġew eletti 73 mara bħala kunsilliera, 27% li huwa numru tajjeb ħafna imma xorta mhux biżżejjed.