Jean Pierre Debono li ntgħażel mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista bħala dak li se jieħu s-siġġu ta’ David Stellini fil-Parlament qal li l-partit irid jieħu l-“miżuri drastiċi” li jkun hemm bżonn. Debono ma tax eżempji konkreti ta’ dawn il-miżuri.

F’kummenti li ta mal-ġurnalisti barra d-Dar Ċentrali wara l-laqgħa tal-kumitat, Debono qal li hemm bżonn diskussjoni dettaljata dwar dak li ġara fl-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-Kunsilli Lokali. Żied jgħid li jekk isir eżerċizzju ta’ tluq ta’ ċertu partitarji, il-partit mhux se jissaħħaħ.

“Ma naħsix li qiegħdin f’sitwazzjoni noqgħodu ngħidu jitlaq dak, dak u l-ieħr,” saħaq Debono.

Mistoqsi dwar x’azzjonijiet konkreti jrid jieħu l-PN, Debono qal li jkun prużuntuż jekk jgħid x’għandhom ikunu qabel ma ssir diskussjoni interna.

Mistoqsi dwar ir-riżenja ta’ Mark Anthony Sammut, Debono qal li jaqbel ma’ “ħafna affarijiet” li qal Sammut però ma qabilx mar-riżenja tiegħu. Spjega li hu kien wieħed minn dawk li vvutaw favur li jibqa’.

Skont Debono, l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel il-PN bħalissa huwa li jieħu deċiżjonijiet mingħajr ma jaħsibha sew qabel.

Filmat: Monique Agius