Robert Arrigo, id-Deputat Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit, tkellem b’mod li nftiehem jgħid li meta Jean Pierre Debono ċeda postu fil-Parlament biex jieħdu Delia kien sar xi forma ta’ ftehim sigriet bejniethom. Arrigo għal darba tnejn għamel il-mistoqsija li mit-ton dehret bħala mistoqsija jekk kienx hemm xi “skrittura” privata.

Dan il-ftehim qatt ma sar pubbliku. Membri tal-Eżekuttiv li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li kif tkellem Arrigo jista’ jkun li mhux eskluż li kien hemm anke xi “skrittura” bejn Delia u xi kandidati oħra fuq id-distrett. L-istess membri staqsew jekk Delia intrabatx li Debono jerġa’ jidħol fil-Parlament jekk xi ħadd mill-membri jirreżenja. Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattja lil Robert Arrigo biex jikseb aktar dettalji iżda sal-ħin li fih inkiteb dan ir-rapport għad ma irnexxilniex nagħmlu kuntatt.

Aqra: Jean Pierre Debono se jieħu post David Stellini fil-Parlament

“You shut up” – Arrigo lil Debono

Robert Arrigo waqt li kien qed jitkellem kellu argument mal-MP Kristy Debono li interrompietu meta tkellem dwar dak li kien jaqla’ Debono mill-PN. Kien hawn li qalilha “You shut up.” Meta tkellem dwar fake profiles Kristy Debono b’enfasi qalet li ma kenitx hi li għamlithom. Għal dan Arrigo wieġeb: “Lilek minn semmiek?”

Membri proposti għar-Rapport tat-Telfa

Waqt il-laqgħa issemmew l-ismijiet tal-persuni proposti biex jagħmlu r-rapport tat-telfa. Issemmew Dr Joe Giglio, Natasha Muscat Azzopardi, il-Professur Mario Vassallo, Dr George Vital Zammit, u Peppi Azzopardi. Kien hemm oġġezzjonijiet għal Dr Giglio peress li huwa l-avukat ta’ Delia. Deċiżjoni dwar dan is-suġġett se tittieħed f’laqgħa oħra tal-eżekuttiv. Tul il-laqgħa ta’ dalgħodu Jean Pierre Debono intgħażel biex jieħu l-post parlamentari li irriżenja minnu David Stellini. Debono ġab 42 vot kontra l-40 vot li ġab Kevin Cutajar.