Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba qal li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-poplu Malti u Għawdxi għadda messaġġ ċar ħafna li qiegħed iwarrab il-politika tal-mibegħda, u li jrid rappreżentanti li jħobbu lil Malta u li lesti jaħdmu biex jiddefenduha dejjem u kullimkien. Huwa qal li n-nies għarfet il-ħsara li kienet qed issir u kkastigat lil min uża l-fiduċja li ngħatatlu biex jattakka lil Malta fil-Parlament Ewropew għal skopijiet partiġġjani.

Agius Saliba kien qed jitkellem waqt l-attività politika tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta. Huwa wera l-gratitudni tiegħu lejn il-poplu Malti u Għawdxi li għażel li jkompli l-mixja mal-Moviment Laburista u għal darb’oħra ta l-appoġġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Agius Saliba kkummenta fuq kif dan ġie rifless ukoll fir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, li l-PL rebaħ 47 minnhom.

L-MEP kompla billi rringrazzja lin-nies li għenuh u tkellmu miegħu tul il-kampanja elettorali, u anke lill-Prim Ministru talli emmen fih u għażel li jafdah b’din ir-responsabbiltà. Agius Saliba wiegħed li fil-ħidma tiegħu se jżomm f’qalbu l-valuri li trabba bihom fil-Partit Laburista biex isarraf din il-fiduċja li ngħata f’ħidma favur Unjoni Ewropea b’aktar mobbilità u ġustizzja soċjali, u f’ħidma favur dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Wiegħed ukoll li se jaħdem biex jara li isem Malta jitnaddaf mill-ħsara li saritlu.