Illum waranofsinhar kien hemm battibekk fil-Parlament dwar il-publikazzjoni tal-inkjesta Egrant. Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi kif il-Ministri Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna għandhom aċċess għar-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant.

Dr Azzopardi qal li dawn il-Ministri kkwotaw fil-qrati partijiet mir-rapport li mhumiex pubbliċi. Il-Ministru Bonniċi appella għar-rieda tajba min-naħa tal-oppożizzjoni biex il-ġudikanti jitħallew jagħmlu xogħolhom b’serenità. Żied jgħid li l-Qorti diġà ċaħdet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta.

Għal mistoqsija supplementari u fil-preżenza tal-Ministru Scicluna nnifsu, Azzopardi insista għal tweġiba dwar kif dawn il-ministri għandhom aċċess għar-rapport li ġie mċaħħad minnu l-poplu.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li din hija mistoqsija ripetuta u li ma tistax tibqa’ ssir. Il-Ministru Bonnici qal li l-avukati li huma parti mill-kawża għandhom aċċess għall-atti u allura d-deputati jistgħu jużaw l-informazzjoni li jakkwistaw permezz tal-avukati tagħhom.

Il-Ministru reġa’ appella għal kawtela biex ir-rispett lejn il-liġi (is-saltna tad-dritt) ikun dejjem applikat.