Omm ressqet protest ġudizzjarju l-qorti dwar trattament sostitut tal-ADHD li ġiegħel lil binha jsofri minn effetti “negattivi severi u allarmanti.”

Il-protest li nkiteb mill-avukat Anthony Cutajar jgħid li l-awtoritajiet qed jiksru l-Konvenzjoni fuq id-Drittijiet tat-Tfal billi ma jaffaċċjawx l-ilmenti tal-mara u billi jkomplu jagħtu dan it-trattament għall-ADHD.

Aqra: Filmat: ‘Ma għandniex għażla ta’ mediċina tal-ADHD mill-POYC

L-omm, li talbet li isimha ma jidhirx, qalet li binha, li għandu wkoll l-awtiżmu, ilu jmur għand psikjatra minn meta kellu età tenera u kien ġie preskritt il-mediċina Concerta. Spjegat kif minn Lulju tas-sena li għaddiet, din il-mediċina tneħħiet u ħaditilha postha Xenidate.

Filwaqt li Xenidate hija bbażata fuq l-istess kimika ta’ Concerta, il-protest jgħid li din kellha konsegwenzi allarmanti u negattivi fuq binha, peress li qabbditu ansjetà u biddlitlu l-imġiba, tant li kien ta’ periklu għalih innifsu u għal dawk ta’ madwaru. L-omm qalet li meta ndunat b’dawn il-bidliet, waqfet tagħtih Xenidate li hi pprovduta b’xejn mill-Gvern, u bdiet tagħtih il-mediċina Concerta mill-ġdid, iżda din kellha tixtriha mill-ispiżerija. Ladarba biddlitlu l-mediċina, l-imġiba tiegħu reġgħet lura għan-normal.

Intant, billi numru ta’ ġenituri u persuni oħra lmentaw dwar il-bidla fil-mediċina, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ordna sabiex esperti jwettqu studju dwar il-mediċina, u dawn issuġġerew li meta l-mediċina ġenerika qed ikollha reazzjonijiet opposti, il-pazjenti affettwati b’dan il-mod għandhom jingħataw il-medicina Concerta minflok.

Aqra: Pazjenti tal-ADHD jingħataw il-Concerta jekk il-mediċina l-oħra tagħmlilhom il-ħsara

L-omm imbagħad dehret quddiem il-Kumitat għat-Trattament tal-Mediċina Eċċezzjonali li ddeċieda fit-22 t’Ottubru li għadda li l-mediċina Concerta hi aħjar għat-tifel u għandha tingħatalu b’xejn mill-awtoritajiet. Iżda minkejja din id-deċiżjoni tal-Kumitat, il-Kap Uffiċjal Mediku Dennis Vella Baldacchino u ċ-Ċentru għall-Provvisti fl-Isptar Mater Dei ma rrikonoxxewx din id-deċiżjoni u ppruvaw jirrevokawha, billi baqgħu jagħtu lill-omm il-mediċina Xenidate.

Il-protest ġudizzjarju jgħid li għaldaqstant, bl-aġir tagħhom, l-awtoritajiet qed jabdikaw mid-dover tagħhom li jipprovda mediċina effikaċja li tibbenefika lill-pazjent. Ingħad li huma qegħdin iċaħħdu lil dan it-tifel mid-dritt għall-mediċina effettiva għalih li suppost jibbenefika minnha permezz tal-iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.

Għaldaqstant, l-ittra titlob li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, Vella Baldacchino, id-Dipartiment tal-Provvisti f’Mater Dei u l-Avukat Ġenerali jħallsu għad-dannu.