L-eks-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u li bħalissa huwa membru tal-bord tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, Michael Piccinino, sostna li mbilli persuna ta’ 16-il sena tiġi eletta sindku, ma jfissirx li għandha titqies li mhux kapaċi minħabba l-età.

Piccinino kien qed jiġi intervistat minn Sergio Mallia waqt il-programm Follow-Up fuq RTK 103FM, fejn l-ispunt prinċipali li tqajjem kien dak taż-żagħżugħ Abraham Aquilina li teknikament ġie elett bħala Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur fl-età ta’ 16-il sena iżda minħabba deċiżjoni li ttieħdet fil-Parlament mhux se jkun jista’ jagħmel dan.

Aqra: Qbil unanimu fil-Parlament dwar il-Vot 16

Piccinino sostna li l-fatt li ġie elett bl-akbar maġġoranza ta’ voti, huwa sinjal ċar li fil-verità, il-poplu jemmen fiż-żgħażagħ. Qal li meta żagħżugħ ikun jidher promettenti u jkollu l-kwalitajiet neċessarji, il-poplu se jivvutalu. Sostna li meta jmur jivvota ma jagħtix kas l-età tal-persuna iżda l-kwalitajiet u l-abbiltà tagħha li tkun parti mill-grupp li qed imexxi.

“Jekk ma nemmnux li l-poplu kapaċi jagħżel mela nwaqqgħu d-demokrazija”

Piccinino tenna li jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Parlament li jekk wieħed għandu 16 jew 17-il sena, ma għandux jilħaq Sindku għax għadu żgħir. Qal li lanqas ma jaqbel li dan jassumi l-irwol malli jgħalaq it-18-il sena. Insista li ladarba ninsabu f’pajjiż demokratiku li jafda li ċ-ċittadini se jgħażlu l-aħjar persuni, mela għandna nafdaw li anke persuni ta’ 16-il sena jistgħu jkunu kapaċi. Irrimarka li jekk m’hemmx fidi li l-poplu se jagħmel l-aħjar għażla għalih, mela s-sistema demokratika tista’ taqa’.

Aqra: Iġeddu t-talba tagħhom għall-Vot 16 fl-elezzjonijiet kollha

“La jipparteċipaw fl-elezzjoni għandhom jitħallew jilħqu sindki” – Vassallo

Il-President kurrenti tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Chiara Vassallo, qalet li bħala kunsill, il-pożizzjoni tiegħu kienet dejjem li ż-żgħażagħ jitħallew jipparteċipaw fl-elezzjonijiet u jirrappreżentaw skont fejn jirnexxielhom jaslu bil-kapaċità tagħhom. Kompliet tgħid li huma jemmnu li hi x’inhi l-età, persuna eletta f’Kunsill, b’mod speċjali bħala Sindku, għandha tingħata t-taħriġ ċiviku neċessarju sabiex tkun preparata għall-mandat.