Il-prezzijiet tal-ikel internazzjonalment żdiedu għall-ħames xahar konsekuttiv f’Mejju li għadda. Dan minħabba żieda fil-prezzijiet tal-ġobon u l-qamħirrun, b’riżultat ta’ maltemp li ħarbat il-provvista ta’ materja prima. Din l-istatistika ġiet ippubblikata mill-Food and Agriculture Organization (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti.

Dan ir-rapport jindika li l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel żdied minn 170.3 punti f’April għal 172.4 punti f’Mejju. Dan huwa l-ogħla livell li ġie reġistrat minn Ġunju tas-sena li għaddiet. L-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel jieħu taħt kunsiderazzjoni ċ-ċaqliq xahar b’xahar tal-prezzijiet taċ-ċereali, prodotti tal-ħalib, laħam u zokkor. L-indiċi tal-prodotti tal-ħalib żdied b’5.2%, dan minħabba b’mod partikolari żieda fid-domanda u diffikultajiet fil-produzzjoni tal-ġobon f’żoni fid-dinja fejn intlaqtu minn nixfa li affettwat il-produzzjoni. Dan ir-rapport elenka wkoll żieda fil-prezzijiet tal-ċereali, filwaqt li rreġistra tnaqqis fl-indiċi taz-żokkor u tal-ħaxix.

Fiat jerġa’ jibdielha dwar Renault

Il-kumpanija Fiat Chrysler irtirat l-offerta ta’ għaqda li għamlet lil Renault fl-ġimgħat li għaddew. Sorsi internazzjonali fis-settur tal-karozzi qed jgħidu li din id-deċiżjoni hija riżultat ta’ indħil li kien hemm mill-Gvern Franċiż sabiex ma ssirx din l-għaqda bejn iż-żewġ gruppi.

Fi stqarrija, Fiat qalet li minkejja li kienet konvinta li din l-għaqda kienet pass importanti u li minnha kienu se jgawdu ż-żewġ naħat, saret xettika kemm fil-verità setgħet isseħħ minħabba l-kundizzjonijiet politiċi fi Franza.

Din l-aħbar, li ħarġet bħal sajjetta fil-bnazzi, ħasdet anke lil uffiċjali għolja taż-żewġ naħat hekk kif ftit sigħat qabel kienu għadhom qed isiru d-diskussjonijiet li mill-indikazzjonijiet kienu se jkunu pożittivi.

Rapporti qed jindikaw li Fiat jafu jixħtu ħarsithom lejn kumpaniji oħrajn bħalma huma l-Peugeot jekk din il-proposta ta’ ftehim ma’ Renault tispiċċa fix-xejn.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.