Fi tmiem il-ġimgħa, il-Gżejjer Maltin huma mistennija jintlaqtu minn sħana qawwija peress li t-temperatura se titla’ għal 35 grad nhar il-Ħadd għall-ewwel darba din is-sena.

Is-Sibt u t-Tnejn mhux b’inqas peress li t-temperatura mistennija tkun ta’ 34 grad. Tul il-ġimgħa, it-temperatura għandha tinżel xi ftit, bi 33 grad u 31 grad it-Tlieta u l-Ġimgħa, rispettivament. Billejl imbagħad, it-temperatura tinżel għal madwar 23 grad.

Allura din heatwave?

Le, is-sit elettroniku Maltese Islands Weather javża li din mhijiex heatwave, peress li heatwave ddum tal-inqas ħamest ijiem konsekuttivi bit-temperaturi ta’ tul il-jum 5 gradi jew iżjed aktar mill-massimu tas-soltu.

Minn fejn ġejja s-sħana?

Is-sħana se tkun ġejja minn arja sħuna tielgħa mill-Afrika ta’ Fuq li se taħkem il-Mediterran Nofsani u l-Punent tal-Mediterran.

Avviżi:

Ir-raġġi UV għandhom jilħqu 10. Il-pubbliku hu avżat jipproteġi ġismu minn dawn ir-raġġi qawwijin. Is-sit elettroniku msemmi javża:

– Agħlqu t-twieqi u l-blinds/shutters fl-eqqel tas-sħana. Erġa’ iftaħ xħin jiffriska.

– Oqogħdu fl-aktar parti friska tal-bini.

– Evitaw li toqogħdu fix-xemx bejn il-11am u l-4pm.

– Inħaslu b’ilma frisk.

– Ixorbu xarbiet kesħin ta’ spiss. Pruvaw evitaw te, kafè u alkoħol.

– Jekk tkunu barra, sibu d-dell u ilbsu lbies addattat, kappell u nuċċali tax-xemx.

– Iċċekkjaw li qraba, ħbieb u ġirien li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom, ikunu sew.

– Ikkonsulta tabib f’każ ta’ sintomi marbuta ma’ kundizzjonijiet ta’ sħana.

– Użaw SPF 30% sunscreen u nuċċali tax-xemx.

– Żommu l-annimali tagħkom u anke dawk tat-triq jekk possibbli f’post frisk.

– Toħorġux lil klieb jimxu fix-xemx (intom għandkom żarbun jipproteġikom mil-art tikwi, l-annimali ma għandhomx).

– Qatt tħalli lil ħadd, inkluż annimali, f’vetturi.

– Użaw materjali fjammabbli b’aktar reqqa (bħal BBQs, sigaretti, ħġieġ, kimiċi tal-pixxini, skart organiku, eċċ…).

– Oqogħdu attenti mil-logħob tan-nar.

Is-sit fakkar ukoll li trabi, tfal żgħar, nies b’kundizzjonijiet li ma jidhrux, nisa tqal, xjuħ u nies li jaħdmu fuq barra għandhom riskju akbar li tagħmlilhom ħażin ix-xemx.