It-tim nazzjonali Malti ħa sehem fi tliet tiġrijiet tul it-8 edizzjoni tal-Giro d’Italia Amatori fejn irnexxielhom jiksbu riżultati tajbin. It-tim ikkompeta fl-ewwel tappa li kienet Time Trial ġewwa Santa Maria degli Angeli f’Assisi fuq distanza ta’ 8 km. It-tieni tappa kienet Road Race f’Torgiano u t-tielet tappa kienet Road Race oħra f’Pretola.

Il-Maltija Marie Claire Aquilina rebħet it-Time Trial biex ħadet il-flokk ir-roża. Imbagħad fiż-żewġ tiġrijiet ta’ wara hija kklassifikat darbtejn fit-tieni post, pożizzjoni li żammet ukoll fil-klassifika ġenerali għal ħin total ta’ 04:39:40.

Mit- taqsima tal-irġiel Christian Formosa spiċċa t-tieni fil-klassifika ġenerali tal-Elite b’ħin total ta’ 04:15:30. Alexander James Smyth spiċċa fir-raba’ pożizzjoni tal-klassifika ġenerali fil-kategorija tal-Masters 1 b’ħin total ta’ 04:18:34. Maurice Formosa għamel ħin total ta’ 04:15:27 biex spiċċa fil-ħames post tal-klassifika ġenerali tal-Masters 2. Pożizzjoni warajh fl-istess kategorija spiċċa Mark Anthony Zammit f’ħin total ta’ 04:23:19. Etienne Bonello minn naħa tiegħu spiċċa fil-ħames post tal-klassifika ġenerali tal-kategorija Masters 3 b’ħin total ta’ 04:23:01.

Din kienet ukoll esperjenza mill-iktar utli għaċ-ċiklisti Maltin u fl-istess waqt ikkonfermaw il-livell tajjeb tagħhom.