Skont l-Uffiċċju Ewropew għall-Proprjetà Itellettwali (EUIPO) Malta titlef il-miljuni ta’ Ewro fis-sena minħabba prodotti foloz.

Stima ġdida mill-EUIPO qalet li t-telf annwali fl-Ewropa minħabba prodotti foloz u piracy fuq medda ta’ 11-il settur ekonomiku ewlieni kien ta’ €60 biljun fis-sena.

Fi stqarrija, l-EUIPO qalet li f’Malta it-telf annwali hu stmat għal €100 miljun, ekwivalenti għal 12.5% tal-bejgħ fil-11-il settur. Dan ifisser madwar €221 għal kull ċittadin Malti.

Intqal li l-akbar settur fejn jidħol il-volum tal-bejgħ u l-impjieg huwa dak tal-ħwejjeġ, taż-żraben, u tal-aċċessorji. F’Malta, it-telf f’dan is-settur jammonta għal madwar €76 miljun fis-sena, jew 14.1% tal-bejgħ.

Fejn jidħlu l-kosmetiċi Malta titlef madwar €8 miljun, ekwivalenti għal 16.6%.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO Christian Archambeau qal li r-riċerka turi li l-iffalsifikar tal-prodotti u l-piracy jistgħu jpoġġu t-tkabbir u x-xogħol f’riskju.