Waħda mid-djar tas-Sirjani fil-Lebanon fir-riskju li titwaqqa' mill-Gvern

Mill-anqas 15,000 tfal Sirjani li jgħixu fil-Lebaniżi tal-Lvant, mistennija jispiċċaw bla saqaf fuq rashom għax id-djar li qed jgħixu fihom bħalissa se jitwaqqgħu. Tliet aġenziji internazzjonali, fosthom Save the Children u World Vision, appellaw lill-Gvern tal-Libanu biex iwaqqaf il-pjani biex jiġġarrfu dawn id-djar sakemm tinstab soluzzjoni alternattiva.

Il-Kunsill Għoli tad-Difiża tal-Libanu f’nofs April kien iddikjara li  l-istrutturi kollha li m’humiex permanenti mibnija mir-refuġjati Sirjani b’materjal li mhux injam, f’kampijiet informali tar-refuġjati, iridu jkunu żarmati .Ir-refuġjati bil-belt ta’ Arsal ngħataw sal-bieraħ, il-Ħadd, li jġibu djarhom konformi mar-regolamenti u wara dik id-data, d-djar li ma jkunux konformi se jitwaqqgħu.

Dan il-pjan tal-Gvern se jolqot madwar 5,000 familja Sirjana li fihom jgħixu 15,000 tifel u tifla li se jbatu ħafna minħabba din id-deċiżjoni kemm metalment kif ukoll fiżikament.

Nanna bi tmien neputijiet

Mayssa, mara ta’ 59 sena ilha tgħix fil-Libanu mill-2013 flimkien mal-mara ta’ binha  u t-tmien uliedha ta’ bejn il-5 u s-17-il sena. “Meta sirt naf li se jwaqqgħu d-djar, għidt bejni u bejn ruħi li dakinhar norqgħod fuq it-tfal biex meta jaqa’ l-bini fuqna nilqagħlom kemm nista’”.

In-neputija tagħha Salma, ta’ 12-il sena: “Jekk iwaqqgħu d-dar tagħna, jien irrid nibqa’ man-nanna, ommi u ħuti kollha. Missieri mejjet u jien irrid nibqa’ mal-familja”.

Id-Direttriċi tal-fergħa tal-Libanu ta’ Save the Childre, Allison Zelkowitz, qalet li n-nies tagħha jiltaqgħu b’mod regolari ma’ tfal li għadhom imfixkla wara li tilfu djarhom fis-Sirja.  Dawn it-tfal ma jixirqilhomx jerġgħu jaraw djarhom jiġġarrfu u jgħixu trauma oħra.

Tfal f’riskju kbir

It-twaqqiegħ ta’ ħafna minn dawn id-djar ikun ifisser ukoll lidawn il-familji jispiċċaw bla ilma u bla faċilitajiet sanitarji u b’hekk ipoġġu lit-tfal f’riskju kbir ta’ mard.

Id-Direttur tal-organiżazzjoni World Vision Country, Hans Bederski, qal li “ninsabu nkwetati dwar kif dawn it-tfal u l-familji tagħhom, speċjalment fejn m’hemmx irġiel fil-familja, se jsibu ruħhom fil-kundizzjonijet ta’ temp sħun ħafna jekk dawn se jkunu qed jorqdu u jgħixu taħt il-plastik”.

L-aġenziji nternazzjonali huma mħassba għal dawn il-familji, ħafna minnhom bi tfal u anzjani li se jkunu esposti għal sħanat kbar fis-sajf wara li fix-xitwa kellhom isofru minn għargħar kbir u maltempati bis-silġ.

F’Arsal biss hemm 5682 struttura tal-konkrit li se jitwaqqgħu. Fihom jgħixu aktar minn 25,000 persuna.  Villaġġi oħra fil-Lvant tal-Libanu se jgħaddu minn miżuri simili li se jolqtu mijiet ta’ familji oħra.

Ħafna minn dawn il-familji huma foqra u bilkemm għandhom biex jgħixu u jieklu. Jekk iwaqqgħulhom djarhom żgur li ma għandhomx biex jibnu mill-ġdid jew iħallsu xi kera fi mkien ieħor. Għal tifel li bilkemm għandu x’jiekol, u ħafna drabi anqas imur skola, jekk jitlef ukoll id-dar fejn jgħixu, għalih tkun trawma kbira.