Propju wara li ħa l-ġurament tiegħu fil-Parlament u beda jokkupa s-siġġu Parlamentari b’mod uffiċjali, Kevin Cutajar sostna li lest li jservi fil-qasam li fih jaħseb li għandu jservi l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Aqra: Kevin Cutajar jieħu l-ġurament bħala MP; “Emozzjonat”

Dan qalu f’intervista waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM fejn kien qed jitkellem ma’ Sylvana Debono. Cutajar issa qed jokkupa s-siġġu parlamentari minflok David Stellini, li wara li kkontesta l-elezzjoni għall-Membru fil-Parlament Ewropew u ma ġiex elett, iddeċieda li jissottometti r-riżenja tiegħu sabiex jerġa’ jmur jaħdem fi Brussell.

Aqra: Kevin Cutajar approvat b’akklamazzjoni

Cutajar tenna li dan huwa privileġġ illi għoġbu jafdalu f’idejh il-Partit Nazzjonalista skont ir-rieda tal-elettorat Għawdxi. Għaldaqstant sostna li huwa wkoll responsabbiltà li se jġorr u se jipprova jsarraf bl-aħjar mod possibbli għall-poplu Malti u Għawdxi.

Cutajar ġie mistoqsi dwar il-mod kemmxejn kunfliġġenti ta’ kif tħalla jingħata s-siġġu wara li Jean Pierre Debono, li oriġinarjament ingħażel mill-istess kumitat biex jokkupa dan is-siġġu, irtira n-nomina tiegħu wara li kien involut f’kontroversja dwar il-vot bejnu u bejn Kevin Cutajar. Hu wieġeb li wieħed jigref u jingiref mhux biss fil-politika, iżda fil-ħajja inġenerali. Qal li d-diżabbiltà tiegħu għallmitu sabiex jieħu kull ħaġa li tiġri fil-ħajja bħala opportunità biex jikber.

Aqra: Kevin Cutajar interessat li jieħu s-siġġu ta’ Stellini

Mistoqsi jekk iħossux tollerat mill-Partit Nazzjonalista, Cutajar irrimarka li d-deċiżjoni tas-Sibt li għadda kienet deċiżjoni unanima tal-eżekuttiv biex jiġi co-opted f’dan is-siġġu. Sostna li l-PN ma bediex iridu jkun parti minnu lbieraħ. Semma li ilu fil-PN ‘il fuq minn 13-il sena fejn hemm ikkontesta numru ta’ elezzjonijiet kemm tal-Kunsilli Lokali, dawk ġenerali u anke tal-Parlament Ewropew.