Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-75 Sena mill-Pellegrinaġġ, li Bormla qed tfakkar kif jixraq, il-Parroċċa ta’ Bormla flimkien mal-Kumitat Organizzattiv qed jippreżenta spettaklu awdjoviżiv li se jsir nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju fid-9.15pm.
F’dan l-ispettaklu uniku għal din is-sena, wieħed se jkun jista’ jsegwi l-istorja tal-Parroċċa ta’ Bormla minn qabel it-twaqqif tagħha sas-sena 1944, is-sena li fiha sar il-famuż pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla fi tmiem tat-Tieni Gwerra dinjija. L-ispettaklu ser ikun jinkludi fih drama, żfin, nar sinkronizzat kif ukoll 3d mapping li ser ikun proġettat fuq il-faċċata tal-Knisja ta’ Bormla.
Iż-żona tal-Baċir Numru 1 li għal ħafna snin rat diversi bastimenti sorġuti, u kienet parti mill-kaġun li Bormla sfat imfarrka fiż-żminijiet tal-gwerra, ser isservi ta’ palk għal dan l-ispettaklu.