Il-Knisja fil-Messiku qed tiffaċċja tliet sfidi kbar

Filwaqt li l-vjolenza fil-pajjiż qed tkompli tiżdied u tiħrax, l-opportunitajiet ta’ xogħol jonqsu u l-ħtieġa ta’ titjib kbir fil-qasam tal-edukazzjoni li hi ċ-ċavetta għall-bidla, huma l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Knisja fil-Messiku.

Mons. Franco Coppola, Nunzju Apostoliku fil-Messiku, f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, tkellem dwar dawn l-isfidi fil-kuntest Messikan.

L-ewwelnett in-nisa u r-rwol tagħhom fil-Knisja li ħafna drabi hu wieħed marġinali ħafna. Fakkar li l-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Apostolika tiegħu “Mulieris Dignitatem” jiddikjara li hu meħtieġ li nifhmu r-rwol awtentiku tas-servizz tan-nisa fil-Knisja, bla ma nikkonfonduh ma’ xogħol ta’ servitù.

Iż-Żgħażagħ

In-Nunzju ħied jgħid li “Iż-żgħżagħ huma wkoll punt important.  Il-Papa spiss juri t-tħassib tiegħu għall-futur taż-żgħażagħ li ħafna drabi hu nieqes mill-preżena t’Alla. Iż-żgħażagħ tagħna jħossuhom inviżibbli u żgħar mid-dinja tal-adulti u dan iwassalhom biex jitilfu t-tama fil-futur. Ir-rati ta’suwiċidji jew l-abbuż mid-droga fl-aħħar snin huma indikaturi ċari. Għalhekk hu urġenti aktar minn qatt qabel li noħolqu spazji fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jesprimu ruħhom u jħossu li huma parti minn komunità li għandha bożnnhom”.

“Punt ieħor ta’ tħassib huma l-fqar”, żied jgħid Mons. Coppola. “Is-soċjetà hi passiva u indifferenti lejn il-fqar. Il-Papa jgħidilna biex inħobbuhom u nkissru s-solitudni tagħhom u fuq kollox jistedinna biex ma nagħlqux għajnejna għal dawk li huma emarġinati, oppressi, jgħixu fil-miżerja u l-injoranza u huma bla xogħol”.

Is-Seminarji

In-Nuzju qal li sfida oħra għall-Knisja fil-Messiku hi l-formazzjoni tas-seminaristi, il-klerikaliżmu, ir-riforma tal-ministeru taż-żgħażagħ u r-riforma fil-katakeżi.

“Is-Seminaristi għandhom bżonn min jiffurmahom tajjeb, mentors tajbin, mudelli u gwida li jiffurmaw il-qlub tal-aspiranti għall-missjoni biex ikunu xhieda tar-Resurezzjoni ta’ Kristu”. Huwa qal li “din il-formazzjoni trid tkun orjentata biex is-seminaristi jikbru personalment biex in-nies jindunaw li huma msejħa biex jieħdu ħsieb, iservu u jqaddsu lill-Poplu t’Alla.  Il-qassisin tal-lum iridu jkunu kapaċi jagħmlu dan”.

“Għall-Papa hu imperattiv li neqirdu l-klerikaliżmu tal-Knisja. Il-lajċi għandhom jitqiesu bħala kollaboraturi li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex tinbena l-Knisja domestika. L-antitodu għall-klerikaliżmu hi s-Sinodalità li tfisser li naħdu u nimxu flimkien (lajċi, saċerdoti u Isqfijiet), nikkonsultaw u nisimgħu lill-Poplu t’Alla u nikkunsidrawh ugwali, magħqud f’komunjoni, kollaborazzjoni u ko-responsabbiltà fil-kuntesti ekklesjastiċi kollha”, spjega Mons Coppola.

Dwar il-Ministeru taż-Żgħażagħ, in-Nunzju Apostoliku żied jgħid li “iż-żgħażagħ għandhom ikunu akkumpanjati biex jiskopru l-vokazzjoni li jiltaqgħu ma’ Alla, jew fl-imħabba taż-żwieġ jew fil-ħajja konsagrata, kulħadd għas-servizz tal-umanità”. “Il-katakeżi għandha toffri esperjenza, akkumpanjament veru fl-esperjenza ta’ Alla u mhux skola tal-katekiżmu biss fejn issir biss indotrinazzjoni jew tagħlim”, temm jgħid Mons Coppola.